Koppja li ilha aktar minn 20 sena tiffosterja t-tfal, tat ħajjitha għal ċkejknin li possibilment kienu jqattgħu ħajjithom f’xi istitut mingħajr ma jesperjenzaw l-imħabba ta’ familja.
Francis u Lina D’Amato iffosterjaw żewġt ibniet, u taw servizz ta’ respite lil tnejn oħra.
Lina ħaditna lura fis-snin meta diġà kellha tifla, u flimkien ma’ żewġha ddeċidew li jestendu l-imħabba tagħhom għal tifla oħra.
Hija qalet “Ferħ kbir anki għat-tifla tagħna għax se jkollha ma’ min tilgħab u lanqas temmen li wasalt għaliha. Kuraġġ trid, u sfida kbira.”
Il-koppja D’Amato kienet fost tal-ewwel li għamlu l-kors tal-fostering. Francis qal li għalkemm sfidi dejjem ikun hemm, dawn it-tfal iġibu ferħ kbir fil-familja.
“Meta tibda tara dat-tfal li jkollhom bżonn l-għajnuna tkun trid tgħin. Jien il-mara tiegħi dejjem id-dar, dik importanti ħafna, jien dejjem ħdimt, u nzertajna koppja li nħobbu ħafna t-tfal”, sostna tgħid Francis.
L-akbar xewqa ta’ Lina hija li tinqata’ t-tabù li t-tfal fil-fostering jittieħdu lura mill-ġenituri, għalkemm qalet li anki jekk dan ikun il-każ, m’għandux jaqta’ qalb il-foster carers prospettivi milli jagħtu l-imħabba tagħhom lil dawn it-tfal fl-iktar żmien diffiċli għalihom.
“Jekk ikun każ bħalma kien tagħna, li t-tfal jixtiequ jmorru lura, let them go, u pjuttost tiġi aktar kunfidenti magħhom, willing for them bħalma huma willing for you”, tenniet Lina.
Appellat għal aktar għarfien fl-iskejjel.
Lina stqarret “It-tfal bejniethom ikun hemm daqsxejn ta’ distanza allura bħalma hemm lezzjonijiet u ħafna informazzjoni fuq suġġetti oħrajn, nixtieq li parti żgħira oħra tkun dwar il-fostering.”
Ma’ dan l-appell ingħaqdet Elaine Micallef Avallone, foster carer li meta ltaqgħet mas-sieħba tagħha, it-tnejn xtaqu li joffru l-possibilità ta’ familja lil tifel jew tifla f’sitwazzjoni vulnerabbli.
Tliet snin ilu, flimkien mas-sieħba u t-tifla tagħha ta’ 12-il sena, imbarkaw fuq vjaġġ ta’ fostering ma’ tarbija ta’ sitt ġimgħat. Vjaġġ mimli mħabba b’responsabbiltà kbira.
Elaine Micallef Avallone li hija Foster Carer qaltilna: “Kien hemm ħafna ansjeta li hija normali għaliex it’s a very unknown situation allura inti jkollok biżgħat ta’ kif ħa tiżviluppa din il-ħaġa. Kien hemm ukoll element ta’ ħasda għax aħna ġejna nfurmati t-Tnejn li t-tarbija ħa tiġi għandna l-Erbgħa allura kelna biss jumejn mentri ssoltu familja jkollha xhur biex tipprepara u kien hemm emozzjonijiet sbieħ ħafna wkoll għaliex kienet xi ħaġa li tant xtaqna t-tlieta li aħna u kemm jiena, kemm il-mara tiegħi u kemm it-tifla konna ħerqanin biex nibdew din l-avventura.”
Elaine appellat biex jekk persuna tħoss li hija kapaċi toffri l-imħabba tagħha lil dawn it-tfal, tidħol għal din l-esperjenza, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħha.
“Hija esperjenza li tkabbrek u li tiċchallengejak kuljum u għalhekk huwa meħtieġ li jkun hemm sapport tajjeb mogħti lill-foster parents” kompliet tgħid Micallef Avallone.
“Min jixtieq jagħmilha, iġibu ferħ kbir fil-familja,” temm jgħid Francis.