Xtrajt warda jew rigal lill-persuna li tħobb għal Jum San Valentinu? Jew ħerġin għal xi ikla speċjali? Jew forsi inti persuna li tmur kontra dak li huma msejjaħ bħala n-norma tas-soċjetà? Hi x’inhi d-deċiżjoni tiegħek, l-importanti li tagħraf l-imħabba ta’ madwarek, ġejja mingħand min ġejja.
ONE News tkellem mal-psikologu Dr Nicholas Briffa, li fissrilna s-sinifikat ta’ dan il-jum lil hinn mill-kummerċ f’Jum San Valentinu u l-pressjoni li jitfa’ fuq individwu biex jixtri l-aqwa rigal.
“Jien naħseb li għandna ninfatmu minn din il-pressjoni li s-soċjetà kontinwament qed twaddab fuqna, mhux biss f’dan il-jum imma f’jiem oħra matul is-sena, u nħarsu aktar lejn l-aspett simboliku tagħha, ċjoè simboliku. Hija tfakkira li, lil hinn minn dak li għalina huwa prijoritarju, waħda mill-aqwa prioritajiet li, bħala umani, importanti li tkun hemm huwa li fil-ħajja tagħna għandna xi nies li nħossuna maħbubin minnhom u aħna qegħdin inħobbuhom.”
Imma xi tfisser l-imħabba? Hija biss dik ta’ bejn koppja?
“Jien għalija niddeskrivi – anke mill-esperjenza klinika tiegħi – l-imħabba bħala l-għażla u l-impenn li inti tagħti importanza, kura, u affezzjoni lil xi ħadd, u allura din id-definizzjoni tal-kelma ‘mħabba’ mhix biss marbuta għal min qiegħed ġo relazzjoni romantika – għax aħna naħsbu li kulħadd għandu s-sejħa li jkun ġo relazzjoni romantika.”
Dr Briffa nnota wkoll li r-riċerka turi li ħafna nies qed jagħżlu li jgħixu ħajja single u qed imorru lil hinn minn dak li s-soċjetà tradizzjonalment tiddetta kif bniedem għandu jgħix.
“Illum għandek ħafna nies li, minħabba mottivi ta’ karriera, għażliet personali, esperjenzi passati ,qegħdin jagħżlu li jgħixu ħajjithom bħala single. Biss, importanti li, jien ngħid, dan ma jfissirx li aħna rridu nieqfu nħobbu. Anzi, ejja ma ninsewx – u nfakkar – dan huwa bżonn uman importanti ħafna li, jekk xejn, din il-festa tal-lum għandha tfakkarna.”
Ritratt: businessday.ng