Wara r-rebħa ta’ Emma Muscat fil-Malta Eurovision Song Contest, one.com.mt tkelmet ma’ Kurt Galea, l-għarus tal-kantanta. Huwa stqarr magħna kemm dawn l-aħħar jiem tal-festival kienu jiem stressanti għalih u għan-nies kollha madwar Emma, iżda dan l-istress għalih personali jintnessa hekk kif Emma titla’ fuq il-palk u bil-personalita’ tagħha tinterpreta l-kanzunetta u dak li tkun ħadmet għalih. F’dak il-mument, jikkalma għax jiftakar fit-talent kbir li għandha t-tfajla tiegħu.
Kurt jammetti li minn dejjem xtaq li Emma tirbaħ, mhux għax hu l-għarus tagħha, iżda għax ġenwinament jemmen li b’Emma, Malta għandha l-aħjar ċans possibli għal riżultat pożittiv.
”About time!! Dik kienet l-ewwel reazzjoni tiegħi meta Emma qaltli li ser tidħol għal Malta Eurovision Song Contest. Għedtilha hekk, għaliex mhux l-ewwel darba li ddiskutejna dan is-suġġett. Emma ilha fix-xena mużikali tul ħajjitha kollha u għandha l-potenzjal kollu”
KURT GALEA, L-GĦARUS TA’ EMMA
Fl-ewwel siegħat tal-Ħadd filgħodu wara li tħabbar ir-riżultat, Emma ċċelebrat dan ir-riżultat mal-familja u l-ħbieb iżda l-għarus tagħha Kurt stqarr magħna li għaddew siegħat iwieġbu litteralment kull messaġġ li rċevew.
KURT B’MESSAĠĠ GĦAL EMMA U GĦALL-MALTIN
”Emma, m’għandi l-ebda dubju li ser tibrilla f’Turin, bħal ma dejjem għamilt f’kull ħaġa. Kun af li jien u l-poplu Malti qegħdin warajk sal-aħħar. Kemm int speċjali u kemm inħobbok’‘ – Hekk qalilna Kurt meta tlabnih jgħaddilha messaġġ. Huwa kompla bil-messaġġ tiegħu lejn il-poplu Malti fejn ħeġġeġ lil kulħadd biex ningħaqdu flimkien bħalma dejjem għamilna wara Emma ħalli nuru lill-Ewropa l-karrattru tagħna u sabiex flimkien nagħtu lil Emma u lit-tim tagħha l-kuraġġ u l-appoġġ li hemm bżonn