Waqt li kulma jmur aktar pazjenti qed jidħlu l-isptar minħabba l-influwenza, madwar 200 voluntier qed ikunu ta’ spalla għal bosta pazjenti fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt huma jagħmlu mat-tlett elef siegħa kull xahar f’ħidma volontarja fl-Isptar.
Dan permezz ta’ VolServ, inizjattiva li ilha għaddejja għal 12-il sena u hija mmexxija minn SOS Malta.
Eluf ta’ volontiera ġew u marru, b’VolServ għandha task force ta’ ta’ bejn mija u tmenin u mitejn volontier attivi f’ħafna mid-dipartimenti kollha mifruxa mal-isptar.
Il-ħidma tingħatalhom mit-tmexxija tal-Isptar u l-volunitera jagħtu daqqa t’id billi jakkumpanjaw lill-pazjenti u jservulhom l-ikel jew jagħmlulhom xi kikkra te jew kafe. Huma jgħinu wkoll f’xi xogħol klerikali u jkunu ta’ wens għal dawk il-pazjenti li ma jkollhom lil ħadd min imur jarahom.
Waqt żjara li għamel id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fl-isptar, Tessie Camilleri, li ilha tmien snin volontiera, spjegat ix-xogħol li jagħmlu fl-isptar u xi jfisser għaliha x-xogħol volontarju. Hija spjegat li tieħu ħsieb fil-ward tal-outpatients u tgħinhom f’li jkun hemm bżonn, filwaqt li hemm voluntiera oħra fis-swali jew fl-Onkoloġija:
“Inħeġġeġ lil kull min qed jismani biex jitħajjar jidħol fix-xogħol volontarjat. Jien nista’ ngħid li fix-xogħol volontarjat iktar ħadt milli tajt”.
Ir-reklutaġġ tal-volontiera jsir darbtejn fis-sena u jingħataw taħriġ u appoġġ professjonali.
Il-Ministru Fearne qal li apparti l-professjonisti, biex il-ħidma tkun waħda ħolisitika, jeħtieġ ix-xogħol volontarju, li fi kliemu, jagħti dik l-imħabba li jkun hemm bżonn:
“Max-xogħol kliniku imbagħad irid ikun hemm dik in-naqra mħabba. U dik jipprovduha l-mijiet ta’ volontiera li għandna jaħdmu kemm fiċ-ċentri tas-saħħa u kemm f’Mater Dei u fi sptarijiet oħrajn li b’dedikazzjoni kbira u ħafna drabi b’sagrifiċċju kultant tal-ħin liberu tagħhom, iqattgħu sigħat jagħtu servizz lill-pazjenti tagħna u l-qraba tagħhom f’Mater Dei.”
SOS Malta qiegħda taħdem fuq inizjattiva oħra bl-isem VolHealth, fejn permezz tagħha, ix-xogħol volontarju jkun estiż fiċ-ċentri tas-saħħa wkoll.
L-implimentazzjoni tagħha għadha fl-ewwel stadji hekk kif l-irwoli tal-volontiera għadhom qed jiġu stabbiliti.
SOS Malta hija impenjata li matul is-sena l-ġdida, VolHealth tkun ta’ suċċess, hekk kif għaddejja ħidma mal-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet Mhux Governattivi fil-lokalitajiet.