Kemm ilek li ssottomettejt CV? Segwejt ir-regoli ta’ Europass?
Jekk iva, u terġa’ tiġi bżonn tibgħat CV, jaf ikollok tagħmel xi ftit tibdiliet. Il-Kummissjoni Ewropew aċċettat proposta biex tkun aġġornata d-deċiżjoni msejħa ‘Europass’. Din hija ġabra ta’ għodda u servizzi li jgħinu bniedem jesponi l-ħiliet u l-kwalifiċi tiegħu madwar l-Unjoni Ewropea. Ħafna jafu bil-Europass għax bħala parti mill-għodda, hemm linji gwida ta’ kif wieħed għandu jikteb CV. Minn meta nħolqot fl-2005, ġew sottomesi 60 mijun Europass CV. Dan ippermetta l-ħolqien ta’ stil wieħed ta’ CV, li jagħmilha aktar faċli biex il-ħiliet ta’ persuna f’pajjiż Ewropew ikunu apprezzati f’pajjiż ieħor.
Issa l-Kummissjoni qed tippjana li tissimplifika u timmodernizza l-għodda neċessarja fid-dinja diġitali. Per eżempju, se jkun hemm il-faċilità li permezz ta’ Europass, wieħed jara x’tipi ta’ xogħol hemm fis-suq u x’tip ta’ ħilite hemm bżonn. Mistennija wkoll li l-Europass Framework jingħaqad ma’ għodod oħra Ewropej, bħal servizzi li diġa’ jeżistu u li jiffaċilitaw il-mobilità tal-ħaddiema fl-Ewropa.