- Ann Fenech kienet qed tirrappreżenta lil kumpanija Shell flimkien ma’ Simon Busuttil, meta Shell ingħataw ħames miljuni f’kumpens.
Fil-Qala Joseph Muscat tkellem dwar l-ewwel laqgħa tal-Kabinett tas-sena 2013, lejliet kampanja elettorali. Xahrejn qabel l-elezzjoni, każ li kien ilu jtawwal disa’ snin tela’ quddiem il-Kabinett.
B’mod unanimu, iddeċidew li l-kumpanija Shell tingħata ħames miljun ewro, f’out of court settlement. Il-Prim Minsitru llum żvela li anke l-President tal-Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech kienet tirrappreżenta lil Shell.
“Kemm-il mitt elf ħa Simon Busuttil? Il-poplu għandu dritt ikun jaf kemm ħa flus” qal il-Mexxej Laburista
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Simon Busuttil irid jerfa’ r-responsabilità tal-ammont ta’ ħmieġ li qed jitfa’. Min m’għandux x’jaħbi, qal Muscat, ipoġġi l-karriera tiegħu at stake, kif qiegħed jagħmel hu.
Muscat fakkar f’Mario De Marco, li huwa nvolut f’kumpanija offshore. Simon Busuttil u Mario De Marco lbieraħ ċaħdu l-involviment ta’ Mario De Marco f’kumpanija offshore. De Marco, Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, saħansitra ddikjara dan bil-miktub. Iżda dokumenti li qed nippubblikaw juru xi ħaġa oħra.
Bl-istess mod li Beppe Fenech Adami huwa involut f’każ dwar ħasil ta’ flus u droga. “Bl-istess kejl tiegħek, Beppe Fenech Adami m’għandux jagħmel minuta oħra fl-Oppożizzjoni” qal Joseph Muscat.
Joseph Muscat qal li tul l-erba’ snin li għaddew, dak li wiegħed, wettaq. Miżuri li dwarhom il-poplu jista’ jserrah rasu għax jaf kemm jiswew. Ħaddieħor ifajjar proposti bl-addoċċ u jiskanta meta jikkalkolalu ħaddieħor. Jew idaħħluna f’excessive deficit procedure u jżid il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. L-unika assigurazzjoni li dawn se jibqgħu rħas huwa dan il-Gvern.
Skont il-website tagħhom stess, il-prezz tal-petrol u diesel se jorħos b’50 u 60 ċenteżmu. Allura, qal il-Prim Ministru, għaliex Simon Busuttil se jraħħashom b’ħames ċenteżmi biss? Il-koalizzjoni ta’ konfużjoni tfisser li kull xahar jerġa’ jibda jogħla l-prezz tal-petrol u diesel.
Għal Għawdex hemm proposti konkreti, ċari u mhux ikkopjati. L-għaxart’elef se jmorru għal kull impjegat Għawdxi, u mhux biex in-nies imorru jgħixu hemm.
Qal li se tkun għażla ta’ kredibilità u min għandu pjan għal futur. Il-PN lanqas biss għandu linja ċara fuq kwistjonijiet bħal kaċċa. Aħseb u ara kemm se jilħqu ftehim fuq l-isptar t’Għawdex. Gvern immexxi minn Simon Busuttil mhux se jkollu flus biex jagħmel l-isptar, qal Muscat lill-Għawdxin. Permezz ta’ dan l-investiment, aktar ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jistgħu jaħdmu f’Għawdex stess.