Hekk kif daħlet fis-seħħ l-liġi l-ġdida tal-kunjomijiet, sitt koppji għażlu li jżommu l-kunjom tal-mara.
Dan intqal wara statistika minn Identity Malta fejn ħareġ li minn totall ta’ 2,536 żwieġ fl-aħħar sena, sitt koppji għażlu li jżommu l-kunjom tal-mara, filwaqt li 242 koppja kkumbinaw il-kunjomijiet tagħhom.
Dwar dan tkellimna ma’ Vince Sladden, Senior Manager fi ħdan Identity Malta. Huwa żied jispjega wkoll il- proċedura dwar l-għażla tal-kunjom għat-tfal li jagħżlu jikkumbinaw il-kunjomijiet:
“Bażikament jintgħażel dak li jgħidulu l-family name. Jekk il-kunjomijiet ikunu differenti, il-koppja tiddeċiedi family name li dak jittieħed għat-tfal”.
Intant, b’reazzjoni għal din l-istatistika, tkellimna mal-Kummissarju għal-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera fejn stqarret li l-bidla fil-liġi kienet motivata mid-dħul tal-liġi tal-ugwaljanza.
“Meta rajna li daħal is-same sex couples u ż-żwieġ għas-same sex couples allura iktar ġie jagħmel sens li jkun hemm din l-għażla. Bażikament nisa u rġiel kemm jekk huma etero-sesswali u kemm jekk huma tal-istess sess jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom”.
Hija tenniet ukoll li grazzi għal din il-liġi kunjomijiet antiki Maltin jistgħu wkoll ikunu salvati hekk kif tingħata l-għażla li jinżamm hu flok il-kunjom tal-persuna l-oħra, irrilevanti mis-sess tal-persuna.
“Dawn l-aħħar snin iktar u iktar inbidlu u ntilfu kunjomijiet u hija għajb li parti mill-kultura tagħna tkun qed tintilef. Hija tajjeb li n-nies ikunu konxji minnha din ħalli barra l-ugwaljanza ovjament għax dik hija l-prijorita tagħna imma anki l-aspett ta’ kultura tagħna jibqa’ hemm għax il-kunjomijiet tagħna huma parti minn min aħna”.