Ir-relazzjoni tal-bniedem mal-annimali selvaġġi matul il-medda taż-żmien qalbet għall-aħjar. Storikament, ir-Rumani kienu jittorturaw u joqtlu l-iljuni u l-iljunfanti, però dan m’għadux il-każ illum.
Xi ngħidu imma, għal dawk l-annimali li qattgħu ħafna żmien f’ċirklu, jistgħu dawn xi darba jingħataw l-libertà? Dan għaliex annimali li jkunu jgħixu f’zoo rari jkollhom survival skills. Minħabba li jkunu qattgħu ħafna żmien f’kuntatt mal-bniedem, huma jkunu vulnerabbli għall-kaċċaturi kieku xi darba kellhom jinħelsu. Keiko, l-balena li kellu l-parti prinċipali fil-film Free Willy sabha diffiċli ħafna meta wara petizzjoni biex jinħeles intbagħat lura l-Iżlanda fl-1999. Dan ġara minħabba li kellu ħafna kuntatt mal-bniedem u ma setax jitħallat mal-baleni l-oħra. Huwa mar fil-port tan-Norveġja biex ikollu kuntatt uman. Eventwalment huwa miet fl-2002.
Għal ħut u rettili, l-integrazzjoni tkun iktar faċli. Annimali bħall-iljunfanti, delfini u baleni jsibuha aktar diffiċli minħabba li dawn ikollhom bżonn ta’ tagħlim mingħand ommhom u membri oħrajn fil-grupp tal-baleni. Il-ħelsien tal-annimali selvaġġi jkun ta’ suċċess, skont il-bżonnijiet tal-annimal in kwistjoni.
Fil-każ tal-orangutan, huwa jqatta’ disa’ snin m’ommu. Dan ifisser li orangutans li jkunu għadhom żgħar ibatu immens mingħajr it-taħriġ tagħha. Dan biex ma nsemmux l-ispejjeż involuti biex tirrijabilitah. L-ispejjeż għal dan jilħqu l-$250 fix-xahar.
Il-kwistjoni li xi annimali jitpoġġew lura fl-abitat naturali tagħhom hija sfida, però dan it-tentattiv m’għandux ma jiġix ikkunsidrat.