Messaġġ mingħand Yorgen Fenech li fih staqsa kemm ġew maħsula flus, kien fost diversi messaġġi fuq WhatsApp li ġew ippreżentati bħala evidenza kontrih, fil-bidu tal-kumpilazzjoni li fiha qed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus.
Is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jiġi akkużat bi frodi u b’attentat li jaħsel mal-ħamsa u erbgħin elf ewro f’każ li allegatament jinvolvi wkoll erba’ persuni oħra.
Fenech qed jiġi akkużat li wettaq atti ta’ ħasil ta’ flus u miżapproprjazzjoni ta’ fondi mingħand Glimmer Limited – kumpanija li kien imexxi flimkien ma’ zijuh.
Erba’ persuni oħra, fosthom il-Kap tal-Operat tal-kumpanija u d-Direttur, qed ikunu mixlija b’akkużi simili.
Meta ppreżenta l-evidenza, l-Ispettur Brian Camilleri kkonferma li l-ammont involut fil-każ ilaħħaq il-ħamsa u erbgħin elf ewro, b’żewġ somom ta’ ħamest elef u erbgħin elf rispettivament.
F’seduta aktar tard, il-kumpilazzjoni ta’ evidenza bdiet ukoll fil-konfront tal-missier u l-iben, Nicholas u Joseph Cachia.