Il-Pulizija qed tinvestiga allegata serqa ta’ ġojjelli minn dar t’anzjana minn san Pawl il-Baħar. One News tkellem mal-anzjana li tgħix f’darha waħidha u hija mdaħhla sew fl-età.
Bil kundizzjoni tal anonimità u li ma nġibulhiex wiċċha, l-anzjana spjegat kif hi għandha suspett f’min seta’ ħadilha l-ġojjelli tagħha. Qalet li għaliha kienet esperjenza trawmatika meta marret biex tiftah il kaxxa bil-ġojjelli u d-dehbijiet u ma sabithomx. Saħqet li b’kollox min seraqha ħadilha b’madwar €30,000 f’ġojjelerija.
“ Xi €30,000 jiswew li serqitli, għax id-deheb li kelli ta’ żmien in-nanniet.”
L-anzjana viżilbilment emozzjonata saħqetli filwaqt li l-oġġetti misruqa jiswew ħafna flus, l-iktar li weġġagħha kien il-fatt li għaliha għandhom valur sentimentali kbir għax kienu rigal mingħand żewġha qabel miet.
“Kemm bkejt, lanqas niekol m’jien qiegħda daqs kemm iddispjaċini. Iddispjaċini l-iktar għax affarijiet li tani hu qabel miet u qabel miet, qabel ġejna mill-Ingilterra, qabel ma tlaqna mill-Ingilterra, mill-ajruport xtrali sett ukoll. Kien €500, ġawhar imma dawk ċelesti. Kollox ħaditli. Hemm, imsielet biss bqajt u dawn għax nilbishom ta’ kuljum.”
Dwar dawn l-allegazzjoniet ONE News bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-pulizija li min-naħa tagħha kkonfermat li għaddejja bl-investigazzjonijiet u qalet li f’dan l-istadju ma jkunx prudenti li jikkummentaw iżjed dwar dan il-każ.