Pajjiżna għamel passi ta’ ġgant f’dawn l-aħħar snin fis-settur tal-ugwaljanza, b’mod speċjali għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ. Dan jawgura tajjeb biex persuni fi ħdan il-komunità jerqsu ‘l quddiem biex jgħixu ħajjithom bla xkiel.
Minkejja dan it-titjib, għad hawn nuqqas ta’ għarfien dwar il-mod ta’ kif b’nuqqas ta’ ħsieb jista’ jwassal lill-persuni, l-aktar żgħażagħ, LGBTIQ fi problemi ta’ vjolenza psikoloġika jew fiżika mill-ġenituri li għalihom tkun diffiċli biex jaċċettaw l-orjentazzjoni sesswali ta’ wliedhom.
Huwa għalhekk li l-Moviment għad-drittijiet tal-persuni omosesswali, l-MGRM appella biex jekk tara koppja tal-istess sess fit-triq, ma tmurx taqbad u tgħid lill-ġenituri tagħhom.
Alex Caruana li huwa uffiċjal tal-MGRM qal: “Huwa importanti ħafna li jekk rajt lil xi ħadd, jekk forsi tafha din il-persuna u għaddietlek minn moħħok jekk għandhiex bżonn xi ħaġa, tmur isaqsi lil dak iż-żagħżugħ jew żagħżugħa, mhux tgħid tmur direttament lill-ġenituri għax tista’ ssir ħafna ħsara, u qed issir ħsara.”
Alex Caruana spjega ma’ dan l-istazzjon li jista’ jkun riperkussjonijiet koroh fuq il-persuni.
Dan minkejja li huma ħafna l-ġenituri u saħansitra anke nanniet li jaċċettaw u jgħinu lill-uliedhom biex jgħixu ħajjithom b’mod trankwill.
Qal iżda li għad hawn ġenituri li din ir-realtà ma jkunux iridu jaċċettawha.
Caruana sostna: “U anke eżempju żgħażagħ b’diżabiltà li huma ħafna aktar dipendenti fuq il-familja tagħhom, li meta jsiru jafu li huma parti mil-LGBT joħdulhom kull mezz biex jitkellmu u hemmhekk qiegħdin naqgħu f’problema oħra li jsibuha ħafna aktar diffiċli biex jikkomunikaw mad-dinja hemm barra u jieħdu l-għajnuna li għandhom bżonn.”
Intant, l-MGRM toffri diversi servizzi kemm għal persuni LGBTIQ kif ukoll għall-familji tagħhom.
Fil-ġimgħat li ġejjin l-MGRM se tkun qed toffri servizz ġdid bil-għan li jiżdied aktar l-għarfien dwar il-komunità LGBTIQ.
Caruana ħabbar: “Minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra ħa niftħu l-ewwel LGBT librerija bil-kotba kollha; għandna bil-Malti, bl-Ingliż, bażikament mid-dinja kollha bie dak li jkun kemm il-ġenituri, kemm żgħażagħ jiġu hawnhekk jieħdu ktieb, jinformaw aktar ruħhom u nżidu l-informazzjoni mal-pubbliku.”