Joseph Rodney Grima ta’ 23 sena minn Għajnsielem, Għawdex wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ importazzjoni u pussess ta’ 15-il kilo droga kokaina.
Droga li nstabet moħbija f’karozza li nxtrat mir-Renju Unit u li nġiebet f’pajjiżna bil-vapur minn Sqallija nhar it-Tnejn li għadda. Minkejja t-talba għall-ħelsien mill-arrest, l-ispettur Jonathan Cassar argumenta li dan huwa każ gravi ħafna li l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin u li hemm żewġ xhieda li għad iridu jixhdu.
Xhieda li allegatament irmunkaw il-karozza li fiha nstabet id-droga. Min-naħa tiegħu, l-Maġistrat Antonio Micallef Trigona qal li jiddejjaq iżomm persuna arrestata għalxejn u ddeferixxa d-deċiżjoni fuq it-talba għall-Ġimgħa filgħodu. Intant, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni għall-iffriżar tal-assi tal-imputat.