Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ddikjara li Bernard Grech huwa nadif.
Anki jekk għal snin twal ma ħallasx eluf ta’ ewro dovuti f’taxxa u f’VAT.
Saħansitra ma kienx iddikjara iżjed minn tletin elf ewro fi dħul ġej mill-fatt li raqqad għandu studenti barranin li kienu ġew biex jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna.
Għal dan kollu, quddiem il-Parlament, Ivan Bartolo, qalilna biex immorru l’hemm.
“Sorry.. U mur l’hemm kellu bżonn għandkom wieħed nadif daqs Bernard Grech.” Qal Bartolo.
Deputati oħrajn iddeċidew li jinjoraw il-mistoqsijiet ta’ ONE News dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-ġurnalist ta’ ONE News staqsa lil Kevin Cutajar, “Onorevoli Cutajar insellimlek Stefan Bajada minn One News. Issa li inthom ukoll titkellmu ħafna fuq is-saltna tad-dritt u tela’ l-kandidat preferut tagħhom Bernard Grech, kandidat li għandu fuqu dellijiet koroh anke allegazzjonijiet ta’ evażjoni ta’ taxxa, għal snin twal ma ħallasx it-taxxa u l-VAT. Inti kuntent bih dan?”
Id-Deputat Kevin Cutajar qal, “M’għandix kummenti x’nagħti nirringrazzjak.”
Mistoqsi jekk ma jħossux komdu li dieħel jirrappreżenta lill-poplu wara li ma kienx ħallasx it-taxxa u l-Vat, il-Kap Nazzjonalista qalilna li hu m’għandux dellijiet.
Il-ġurnalist staqsa, “Dr Grech tħossok komdu dieħel fil-parlament, dellijiet serji, allegazzjonijiet serji…”
Grech qal,”Mhu veru xejn ma hemm l-ebda dellijiet, mhu veru assolutmanet xejn.”
Min-naħa l-oħra, id-Deputat Nazzjonalista David Thake qal li Bernard Grech ta spjegazzjoni tajba, anki jekk rapport tal-Moneyval kien innota prassi li daħħal il-Kummissarju tat-Taxxi u li biha gawda Bernard Grech meta kien naqas iħallas it-taxxa.
“Huwa aċċettabli għalik? Naħseb illi Dr. Grech ta spjegazzjoni tajba ħafna dwar dak li qed issemmi int.” Wieġeb David Thake.