L-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ta ħarsa lejn ir-rebbiegħa meteoroloġika, li ntemmet fuq nota mxarrba, hekk kif Mejju pproduċa 8.2 mm xita aktar min-norma klimatika ta’ 10.2 mm. L-ammont ta’ xita li niżlet f’Mejju flimkien mat-28.6 mm xita mkejla f’April, ma kinux biżżejjed biex jikkompensaw għal Marzu pjuttost xott li pproduċa biss 3.0 mm xita. B’hekk, l-istaġun ma laħaqx il-kwota tax-xita għar-rebbiegħa.
Matul ir-rebbiegħa kien hemm tliet ġranet ta’ maltempati bis-sajjetti u 14-il ġurnata bix-xita hekk kif temp instabbli kawża ta’ sistemi ta’ pressjoni baxxa baqa’ jippersisti anke tard f’Mejju. Filwaqt li x-xahar ta’ Mejju kellu l-aktar ġranet bix-xita, l-aktar ġurnata mxarba tar-rebbiegħa kienet kmieni f’April meta tkejlu 17.8 mm xita. Dan huwa kważi l-ammont ta’ xita li normalment tinżel fuq il-gżejjer Maltin f’April tipiku.
Matul l-istaġun, il-gżejjer gawdew ukoll minn numru ta’ ġranet sbieħ, hekk kif b’kollox kienu mkejla kważi 761 siegħa xemxija. Filwaqt li Marzu u April kienu aktar xemxin min-normi klimatiċi rispettivi tagħhom, il-236.8 sigħat xemxin imkejla f’Mejju wasslu biex dan ix-xahar ikun aktar imdallam mis-soltu. Dan jista’ jkun parzjalment spjegat mill-koperatura medja tas-sħab li kienet ta’ 4.0 oktas u dan meta n-norma għax-xahar ta’ Mejju hija dik ta’ 3.0 oktas.
Filwaqt li t-temp f’Mejju kien pjuttost barra minn żmienu, l-ogħla temperatura tal-istaġun intlaħqet proprju matul dan ix-xahar meta telgħet għal 27.3°C. Mill-banda l-oħra, l-inqas temperatura kienet irreġistrata f’Marzu meta niżlet sa 7.9°C. Ħarsa lejn it-temperaturi medji għat-tliet xhur tar-rebbiegħa meteoroloġika turi kif Marzu kien aktar sħun mis-soltu, filwaqt li April kien aktar frisk u Mejju żamm temperatura medja li kienet daqs in-norma.
Hekk kif ir-rebbiegħa bdiet dieħla, il-baħar beda jisħon ukoll bit-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar tiżdied b’2.2°C bejn Marzu u Mejju biex laħqet 18.4°C f’Mejju. It-temperatura medja tal-baħar f’Mejju kienet daqs in-norma klimatika, filwaqt li l-istess temperatura f’Marzu u f’April kienet ogħla min-norma.
Matul l-istaġun, l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ 43 twissija lill-pubbliku minħabba r-riħ, b’20 minnhom jinħarġu f’Mejju. Fil-fatt, Mejju kien aktar mirjieħ min-norma tant li l-qawwa medja tar-riħ kienet ta’ 10.1 knots meta n-norma klimatika għax-xahar hija ta’ 8.8 knots. L-aktar buffura ta’ riħ b’saħħitha f’Mejju kienet imkejla fit-tlettax tax-xahar. Din waslet mix-Xlokk u laħqet it-43 knot.