Deputati mill-Partit Nazzjonalista kienu skomdi u anke evażivi meta ffaċċjati b’mistoqsijiet dwar jekk hux qed isiru l-verifiki neċessarji qabel biss jagħmlu akkużi mill-aktar serji.
Minkejja dan, bqajna bla tweġibiet xierqa, anke jekk ġiet organizzata konferenza tal-aħbarijiet mill-kelliema Ivan Castillo u Darren Carabott fejn ukoll saru akkużi simili.
Fl-aħħar jiem, anke esponenti oħrajn mill-Partit ta’ Bernard Grech komplew bl-istess litanija, inkluż id-Deputat Albert Buttigieg. Permezz tal-midja soċjali, Buttigieg ippubblika ittri u kontijiet tal-kumpanija Epic, li rċieva d-dar tiegħu, iżda indirizzati lil persuni barranin.
Il-Partit Nazzjonalista kien pront iwaħħal fl-aġenzija Identità għal tali żbalji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali l-Ħamis waranofsinhar, id-Deputat Ivan Castillo kompla b’diskors populista, waqt li evita kompletament il-mistoqsijiet ta’ ONE News, li staqsa jekk dawn l-allegazzjonijiet ġewx ivverifikati minn qabel.
Hu saħansitra pprova jwaqqa’ għaċ-ċajt il-mistoqsijiet ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet.
“Il-ONE qegħdin jiġu hawn u qed jistaqsu mistoqsijiet impartikolari”.
Ivan Castillo – Deputat tal-Partit Nazzjonalisti
Minkejja dan, hu baqa’ ma kkonfermax li l-PN għamel xi stħarriġ dwar il-fatti u indika li donnu l-fatti mhumiex importanti.
Sadanittant, waqt li bqajna mingħajr ebda tweġiba f’dan ir-rigward, iż-żewġ deputati malajr lebbtu ’l barra fi tmiem il-konferenza, li kienet ikkaratterizzata biss minn akkużi fil-konfront tal-Gvern u, b’mod speċifiku, dwar ħidmet il-Ministeru tal-Intern, li jaqa’ taħt il-Ministru Byron Camilleri.
ĠURNALISTA: “Ma tafx xi ppubblika l-kollega tiegħek stess? Darren Carabott, qas int ma pprovajt twieġeb il-mistoqsija tiegħi.”
DARREN CARABOTT: “Naħseb spjegajnielek diġà. Tajjeb li qed twaħħlu fil-privat.”
ĠURNALISTA: “Qas biss ipprovajtu twieġbu l-mistoqsija tiegħi.”