Uħud mill-professjonisti tar-relazzjonijiet pubbliċi u tal-komunikazzjoni l-iktar influwenti fid-dinja, inkluż l-eks Kap tal-Istaff tal-Prinċipessa Diana u l-eks Segretarju Stampa tal-Prinċpijiet Charles, William u Harry, għandhom jindirrizzaw Global PR Summit li se jsir f’Malta, il-ġimgħa d-dieħla fit-12 u t-13 ta’ April, fl-InterContinental Hotel f’San Ġiljan.
Mifrux fuq jumejn b’kelliema internazzjonali, is-Summit jibda bi preżentazzjoni minn Mary Jo Jacobi, magħrufa bħala l-Iron Lady fid-dinja tar-relazzjonijiet pubbliċi. Hi l-eks Viċi President ta’ BP Amerika meta seħħ il-każ tat-tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku.Il-professjonisti tan-negozju li se jattendu dan l-avveniment se jkollhom ukoll l-opportunità li jisimgħu preżentazzjonijiet dwar il-komunikazzjoni fi żmien ta’ kriżi, cyber-crime, aħbarijiet foloz, kontenut għar-relazzjonijiet pubbliċi u midja soċjali minn Patrick Jephson, Kap tal-Istaff tal-Prinċipessa Diana, Richard Stephenson mill-Awtorità Ċivili tal-Kommunikazzjoni (Civil Communications Authority) fir-Renju Unit, Medard Schoenmaeckers minn Credit Suisse, Zayna Aston minn You Tube, u Pierandrea Quarta minn P&G.
Is-Summit Globali tal-PR se jinkludi ukoll workshop ta’ nofs ta’ nhar li se jittratta simulazzjoni interattiva f’każ ta’ kriżi ma’ Donald Steel, l-eks Konsulent Ewlieni tal-Komunikazzjonijiet fil-BBC.
B’edizzjonijiet annwali f’22 pajjiż, il-Global PR Summit hu meqjus bħala wieħed mill-ikbar avvenimenti fid-dinja fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi l-aktar innovattivi.
Il-Global PR Summit Malta hu organizzat minn P World bil-kooperazzjoni mal-BPC bħala l-imsieħeb esklussiv tal-avveniment għar-relazzjonijiet pubbliċi, growthGurus bħala l-imsieħeb esklussiv tal-avveniment għall-midja soċjali, u SIGMA bħala sieħeb tal-midja.