L-indafa fil-pajjiż tinżamm jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu – iżda jidher li f’bosta lokalitajiet f’Malta u Għawdex in-nies xorta jagħżlu li jarmu l-iskart tagħhom bl-addoċċ.
Kif jidher tajjeb f’dawn ir-ritratti, fi Triq J. Quintinus f’San Pawl il-Baħar, waqt xogħol ta’ kostruzzjoni, tħalla fuq il-post materjal bħal kaxxi tal-kartun, li intrema bl-addoċċ mal-art mal-ġenb tal-binja u tħalla jakkumula għal jiem sħaħ. Din ir-rokna nistgħu ngħidu li saret miżbla, hekk kif persuni oħra bdew jarmu l-borża s-sewda tal-iskart tagħhom fl-istess żona.
Fi stqarrija, l-Green MT li hija l-iskema nazzjonali għall-ġbir tal-iskart riċiklabbli appellat biex sidien li jkunu qed jistallaw it-tagħmir meħtieġ fil-bini ġdid jew rinovat, għandhom jieħdu ħsieb li jiddisponu l-materjal tal-ippakkeġġjar b’mod korrett. Green MT ħadet l-iniżjattiva li tnaddaf din iż-żona filwaqt li tħeġġeġ biex kulħadd jerfa’ r-responsabilita’ u jagħraf l-obbligi tiegħu billi jpoġġi l-immaniġġjar tal-iskart bħala prijorita’ fl-attivita’ ekonomika tiegħu għax b’hekk biss nistgħu inħallu l-pajjiż nadif.