Fi żjara f’santwarju tal- annimali f’Birżebbuġa mmexxi mill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati stajna nilmħu bosta klieb li huma lesti li jirċievu l-imħabba.
Fost il-klieb li rajna kien hemm Marley, kelb tar-razza Pitbull. Kelb li minkejja l-idea li r-razza tiegħu hija waħda feroċi, Marley huwa kelb li jaf juri mħabba kbira lejn sidu.
Rosalind Agius, il-mara li tieħu hsieb u tmexxi dan is-santwarju, qaltilna li qabel ma sab ruħu fis-santwarju, Marley kien ħa jinqatel minn xi grupp ta’ nies li ma riduhx.
Hi żiedet tgħid wkoll li bosta mill-klieb li jinsabu fis-santwarju huma kollha klieb li kienu abbandunati nkella ma kinux maħbubin.
Qalet kif, “Il-klieb li qegħdin hawnhekk huma kollha abbandunati issa wħud minnhom huma direttament fit-toroq, oħrajn ikkonfiskati mill-Animal Welfare jew nkella jġibhom sidhom hawnhekk. Li hu żgur, apparti li f’ċerti każijiet rarissimi fejn sidhom iddeċieda li ma jridhomx. Issa jekk inti ħa timxi mill-post fejn toqgħod għal post ieħor sib post li huwa addattat għall-annimal domestiku tiegħek għaliex mhuwiex sewwa li meta tibdel fejn tgħix minn dar tneħħi l-kelb”
Spjegatilna wkoll ix-xogħol li jagħmlu l-volontiera li jqattgħu ġurnata jgħinu lis-santwarju.
Spjegat, “Voluntiera naċċettaw lil kulħadd basta jkollhom iżjed minn sittax -il sena għaliex liċenzja għall-minuri m’għandniex. Huma jiġu hawnhekk u jibdew ix-xogħol magħna, inaddfu l-kmamar, nirranġawlhom l-post fejn jorqdu, nitimgħuhom, nieħduhom għand il-vet, ix-xogħol ma jispiċċa qatt”
Hi ħeġġet lil kull min huwa interessat li jkollu kelb f’ħajtu sabiex jikkunsidra l-adozzjoni għaliex hawn ħafna klieb f’pajjiżna li għandhom bżonn familja li tħobbhom u taċċettahom.
Agius semmietilna wkoll kampanja ta’ tiswija tal-klieb b’xejn li ilha tliet snin ssir fis-santwarju.
Qalet, “Din hija t-tielet sena tagħna li qegħdin nagħmlu kampanja ta’ tiswija tal-klieb. Aħna qegħdin nsewwu klieb b’xejn għal min ma jaffordjax isewwi l-kelb tiegħu, għal min qiegħed fuq pensjoni jew għal dawk li għandhom ħafna klieb u ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. Jiġifieri aħna ngħinukom b’tiswija u ċippa b’xejn, ċemplu n-numru tas-santwarju 79730921 u nkunu nistgħu ngħinukom”