Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qed juża kejl differenti għal Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ bħalissa, Bernard Grech, minn dak li kien juża għal Kap ta’ qablu, Adrian Delia.
F’kummenti ma’ ONE NEWS, Sammut iddefenda d-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech li, min joħroġ jikkritika l-operat tal-partit minn barra ma jkollux intenzjonijiet tajbin.
Qabel ma laħaq Kap, Bernard Grech mar jattakka lil Adrian Delia quddiem id-Dar Ċentrali u fuq it-televiżjoni, fost l-oħrajn. Dan għamlu minkejja li Grech kien diġa’ parti mill-istrutturi tal-Partit.
Qal, “Min hu parti mill-istrutturi, bħali li jien deputat, u min hu uffiċjal u min għandu kariga fil-partit, għandu l-istrutturi interni fejn isemma’ leħnu.”
Qabel tneħħa minn Kap Adrian Delia, Mark Anthony Sammut kien saħansitra jdur il-programmi jgħid kemm hemm min hu tajjeb biex jieħu post Delia.
Qal, “Naħseb hemm diversi persuni li kapaċi jgħaqqdu ’l-partit u jattiraw dawn il-kurrenti differenti.”
Illum, Mark Anthony Sammut bidel id-diska għax irid jiddefendi l-istatus quo. Lanqas irid li l-Partit Nazzjonalista jagħmel rapport tat-telfa, bil-għan li jnaqqas il-kritika lejn it-tmexxija li, mal-blue heroes, ikkontribwixxa biex titpoġġa f’postha.
Sorsi fid-Dar Ċentrali jsostnu li llum Mark Anthony Sammut huwa iktar moħħu f’liema kariga se jieħu hu.
Għal dan il-għan qed jistrieħ fuq l-appoġġ li jista’ jagħtih Bernard Grech biex ippatilu ta’ kemm attakka lil Adrian Delia f’ismu.