Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius feraħ lil Keith ‘the Speed’ Azzopardi li rebaħ it-titlu semi-professjonali tad-dinja tal-World Kickboxing Network. Azzopardi ġej minn Team Noel u tqabad kontra it-Taljan Alessandro Fillini u rebaħlu b’knockout f’inqas minn minuta.
Keith ‘the Speed’ Azzopardi huwa atleta versatili ħafna u jitħarreġ kemm fil-kickboxing u anke fid-dixxiplina tal-boxing. Dan huwa riżultat ferm prestiġġjuż speċjalment għall-atleta nnifsu, li għalih dan huwa l-ewwel titlu dinji, u kif ukoll għal Team Noel, liema club jagħmel parti minnu Azzopardi. Huwa ta’ pjaċir għal dawk li jsegwu dan l-isport li jaraw atleta ieħor żagħżugħ emerġenti wara Daniel ‘the Jet’ Zahra li ddomina x-xena lokali bil-prestazzjonijiet tiegħu għal diversi snin, u li ħareġ ukoll mill-istess club.
Dan ikompli jżid mal-kullana ta’ riżultati tajbin li qed ikompli jkollhom l-clubs kollha membri fil-Malta Kickboxing Association (MKBA). Din l-assoċjazzjoni qiegħda tara li, fost l-oħrajn, dan l-isport jimxi ‘l quddiem b’mod san.