L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ġie rrilaxxat mill-arrest wara investigazzjonijiet intensivi li saru fl-aħħar jiem dwar allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li f’dan l-istadju ma tħossx il-ħtieġa li s-Sur Schembri jinżamm aktar taħt arrest.
Rapporti fil-midja qalu li tul l-invesitgazzjonijiet, in-negozjant Yorgen Fenech għamel allegazzjonijiet dwar Schembri li meta ġew investigati mill-Pulizija nstab li Fenech ma kienx qiegħed jgħid il-verità.
Fost oħrajn sorsi li tkellmu mal-istazzjon nazzjonali ċaħdu rapporti li fil-villa tat-Tabib Adrian Vella f’Għajnsielem kien qed jinħema pjan biex Yorgen Fenech jaħrab lejn it-Tuneżija.
B’rabta ma’ dan l-allegazzjonijiet, il-Pulizija arrestat lit-Tabib Vella wara li ġie implikat minn Fenech li kien involut fl-allegat pjan biex jaħrab minn Malta.
Il-pulizija tagħtu l-ħelsien mill-arrestat wara li nstab li dak li allega Fenech fil-konfront tat-Tabib Vella ma ġewx issostanzjati.
Ġie rrapportat ukoll li t-Tabib Vella kkonferma li Yorgen Fenech kien fil-villa tiegħu f’Għajnsielem il-ġimgħa l-oħra, iżda ċaħad li hu kien jaf b’xi pjan biex Fenech jaħrab minn Malta lejn it-Tuneżija. Jirriżulta li Fenech qatta’ żewġt iljieli fil-villa fejn saru diskussjonijiet dwar it-trasferiment tan-negozju tiegħu.
Fenech ipprova jimplika lil Keith Schembri fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Kif ġie rrapportat, il-pulizija qed tinvestiga kull allegazzjoni li ssir minn Fenech b’kawtela minn kbira inkluż mill-Europol.
Rapporti fil-midja qalu li Feneh qiegħed jagħmel allegazzjonijiet mal-Pulizija li ftit li xejn jistgħu jitwemmnu.
Fenech ġie arrestat fuq il-jott tiegħu fil-marina ta’ Portomaso meta allegatament kien se jaħrab minn Malta. Matul dawn id-disat ijiem huwa ġie arrestat erba’ darbiet.
Iżda għal diversi drabi tul l-interogazzjonijiet, Fenech allegatament inqabad f’bosta kontradizzjonijiet.