Rapporti qed jgħidu li Keith Schembri mistenni jitressaq il-Qorti mixli b’tixħim bejn il-kumpanija Kasco u l-kumpanija Allied Newspapers li f’idejha għandha l-pubblikazzjoni tal-gazzetta tat-Times.
Bħalissa Schembri u persuni oħra qed jiġu mitkellma mill-pulizija fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fil-Ħamrun.
Fost il-persuni mitkellma hemm ukoll Vince Buhagiar, li huwa d-Direttur Maniġerjali ta’ Progress Press.
Fil-jiem li għaddew, Keith Schembri kiteb fuq il-profil tiegħu fuq Facebook li qed jistenna li jitressaq il-Qorti mixli b’akkużi wara li ġiet konkluża inkjesta fuq allegat tixħim li sar fl-2008 bejn il-kumpanija Kasco u l-kumpanija Progress Press Limited.
Keith Schembri qed jisħaq li l-inkjesta tirreferi għal negozju li sar 13-il sena ilu.
Qed jiġi allegat li Schembri xaħħam Direttur tal-Progress Press biex jirbaħ kuntratt ta’ stamperija ġdida.
Hawnhekk Schembri qal li l-proċess tal-kuntratt għadda mill-iskrutinju ta’ żewġ ditti ta’ awdituri u minn żewġ bordijiet tal-kumpanija u ntrebaħ għax kien iktar minn żewġ miljuni orħos mill-eqreb kompetitur.