Keith Schembri, eks chief of staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, xehed quddiem il-kumitat għall-kontijiet pubbliċi dwar ir-rapport li l-Awditur Ġenerali għamel b’rabta mal-power station tal-gass.
Akkumpanjat mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, Keith Schembri xehed f’seduta ta’ madwar sagħtejn li f’ħafna mill-ħin daret fuq il-proċessi li wassal biex il-pajjiż għażel li jmur għall-power station tal-gass, minflok tal-heavy fuel oil.
Schembri qal li l-prijorità ta’ dak iż-żmien kienet li jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fi żmien fejn wieħed ma setax jifhem kif il-gvern Nazzjonalista ma raħħasx dawn il-kontijiet.
Fost id-domandi li wieġeb Schembri kien hemm dawk dwar il-proċess tas-sejħiet għall-offerti u kif eventwalment kien infurmat bid-deċiżjoni aħħarija li l-proġett imur għand l-Electrogas.
Hawn qal li rappreżentant tal-gvern Ġermaniż kien talbu li jkun hemm proċess ġust. Dan minħabba li l-kumpanija Ġermaniża Siemens kienet involuta.
Dwar il-proċess ladarba beda l-proġett, Keith Schembri qal li s-sidien tal-konsorzju rebbieħ kienu jitkellmu mal-Ministru Konrad Mizzi dwar temi li seta’ kien hemm marbuta fl-implimentazzjoni tal-proġett.
Kien hemm diversi mumenti fejn Schembri qal li kien qed ikun mistoqsi dwar temi li jmorru lura għaxar snin u għalhekk il-kumitat kellu jifhem li ma jiftakarx id-dettalji kollha. Qal li ma jiftakarx ħafna affarijiet minħabba dak li għadda minnu f’dawn l-aħħar ħames snin.
Mistoqsi dwar il-kumpanija offshore fil-Panama, qal li kellu u m’għadiex miftuħa. Mistoqsi meta nfetħet din il-kumpanija qal li tant kellu kumpaniji offshore barra minn Malta minħabba n-negozju li għalih ma kinetx kwistjoni li jiftaħ kumpanija offshore. Qal li fetaħ trust New Zealand wara li żvelawlu dettalji li kellu mal-Bank of Valletta.
Mistoqsi kinetx kumbinazzjoni li l-kumpanija tiegħu u ta’ Konrad Mizzi nfetħu flimkien, Schembri qal li kienet kumbinazzjoni.