Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri tkellem b’mod mill-iktar ċar dwar l-insinwazzjonijiet kontinwi, primarjament mit-Times of Malta, li huwa ffinanzja l-kampanja politika tal-Partit Laburista fl-2013.
F’artiklu ppublikat illum, jiċħad dan kollu u jkompli jiżvela li t-Times jafu sew lil min sellfet il-kumpanija tiegħu. Dan għaliex sellfet lil ħadd ħlief Progress Press, sussidjarju ta’ Allied Group, il-publikaturi tat-Times.
Kasco Limited, il-kumpanija ta’ Keith Schembri, assistiet lil Progress Press u Allied Newspapers biex dawn laħqu ma’ pagamenti. Sal llum, Kasco għad trid tiġbor ammont sostanzjali mingħand Allied Group.
“Setting the record straight” huwa isem l-artiklu li bagħat ic-chief of staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, lill-gazzetti ewlenin.
Isemmi lit-Times b’mod partikolari u jinnota li minkejja li jistaqsuh ħafna domandi, jonqsu milli jirrapportaw it-tweġibiet tiegħu, aħseb u ara kemm ikunu ġusti fir-rapportaġġ tagħhom.
Jerġa’ jgħid li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jiddiskuti l-attivitajiet u l-istrateġiji reltati mat-tmexxija tal-kumpanija tiegħu. Jinnota li hija sitwazzjoni bla preċedent, li l-attivitajiet leġġittimi ta’ kumpanija jsiru suġġett ta’ rapporti mimlija sensazzjonaliżmu fl-aħbarijiet.
Jikteb dwar l-interess kbir li issa nibet fl-interessi tan-negozju tiegħu fit-Times u jiċċara li t-telf irrapportat minn Kasco Holdings, bejn l-2012 u l-2014 ġejjin minn żewġ fatturi.
L-ewwel waħda hija t-tnaqqis fid-domanda għall-esportazzjoni tal-karti u inqas profitt minn fuqhom. It-tieni ġejja mill-fatt li l-grupp kellu jassorbi t-telf ta’ waħda mill-kumpaniji fi ħdanu, kif jiġri f’kull negozju li fih hemm riskji nvoluti u kif jistgħu jivverifikaw l-accounts.
It-turnover annwali tal-grupp jaqbeż l-€10 miljun, bil-kumpanija ewlenija, Kasco Paper, tirreġistra profitt. Dawk li qed jirrapportaw mod ieħor, jgħid Keith Schembri, qed jipprovaw jagħmlu kumplott politiku fuq in-negozju tiegħu.
Schembri jgħid li n-negozju tiegħu beda minn stamperija żgħira u grazzi għall-impenn, Kasco llum iddiversifikat u hija waħda mill-aktar li sejra tajjeb fis-settur tagħha. Jekk dan, għal Simon Busuttil, huwa att kriminali, mela dan il-pajjiż għandu żminijiet diffiċli quddiemu, jgħid Schembri.
Jinnota li huwa ċar li l-istrateġija tal-Partit Nazzjonlista hija msejsa fuq l-assassinju tal-karattru u l-ħolqien ta’ instabilità. Qal li d-deċiżjoni li jsir chief of staff tal-Prim Ministru swietu ħafna, kemm għal familtu u anke għan-negozju, iżda xtaq iservi lil dan il-Gvern. Jirrikonoxxi li jinsab soġġett għall-iskrutinju pubbliku, u li ta’ lok lil min jixtieq joqgħod jispekula, għad-detriment tal-pajjiż. Madanakollu jsib kuraġġ fil-fatt li l-Gvern qed iġib riżultati ekonomiċi u qed iħallu differenza fid-djar u negozji.