L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li qatt m’għadda informazzjoni lin-negozjant Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, minkejja li ġieli ddiskutew dak li ħareġ fil-midja.
Schembri qal dan f’kawża kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax jinvestiga l-qtil ta’ Caruana Galizia wara li allega li kien qiegħed jgħaddi informazzjoni lil Schembri.
Madankollu fix-xhieda tiegħu, Schembri xehed li qatt ma qal lil Fenech li Arnaud kien qiegħed jagħtih xi informazzjoni.
Schembri qal li qatt ma qal xejn lill-ispettur Arnaud bil-ħbiberija ma’ Fenech. Qal li mingħand l-Ispettur Arnaud kien jirċievi biss messaġġi biex jorganizzaw laqgħat f’kastilja, sabiex il-pulizija tagħti briefings dwar l-investigazzjonijiet lill-Prim Ministru. Qal li fil-pożizzjoni tiegħu ma setax jagħtih informazzjoni.
Dwar leaks mill-investigazzjonijiet tal-pulizija, Schembri ċaħad li qatt ħareġ xi informazzjoni. Sostna li meta kien interrogat fid-Depot, waslet ħafna informazzjoni lill-ġurnalisti.
Schembri qal li ma kienx jaf li l-mobile ta’ Fenech kien ittapjat u qatt ma kien ikun jaf bil-ħidma tas-Servizzi tas-Sigurtà Maltin. Mistoqsi dwar l-allegata ħarba ta’ Fenech bil-jott, Schembri ċaħad li kien involut. Qal li ġurnata qabel l-arrest, Fenech bagħatlu messaġġ u staqsih jekk hemmx xi ħadd warajh. Iżda wieġbu fin-negattiv.
Keith Schembr qal li meta Fenech qallu li kien sejjer Sqallija biex isewwi d-dgħajsa, qallu li dan ma kienx il-mument li jitlaq mill-pajjiż. Qal li minkejja li kien ilu ġimgħat jaf li l-akkużat huwa s-suspettat bil-qtil, qatt ma qallu b’xejn.
Qal li dakinhar tal-qtil, qablu li l-FBI jidħlu fil-każ u bl-isforz ta’ kulħadd, il-każ ġie solvut.
Mistoqsi dwar ittra li t-tabib Adrian Vella għadda li Fenech, meta kien fil-kustodja tal-pulizija, Schembri qal li din la kitibha hu u lanqas għaddihielu hu.
Qal li f’50 siegħa arrestat ġie iffaċċjat bi tliet ittri, fosthom waħda miktuba bil-biro mill-akkużat.
Schembri qal li huwa ġie arrestat fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu u saritlu tfittxija f’daru u fl-uffiċċju tiegħu fejn ġew elevati xi karti.
Dwar l-impjieg ta’ Melvin Theuma, Schembri qal li fiż-żmien tal-elezzjoni, jidħlu ħafna talbiet u din għaddieha lill-customer care. Qal li ma jafx min bagħatlu d-dettalji ta’ Theuma u dan qatt ma qallu li m’għandux bżonn xogħol għax kieku kien jagħtih lil ħaddieħor.
Dwar l-ispettur Arnaud, Schembri qal li dan qatt ma talbu pjaċir u lilu qatt ma kellmu dwar impjieg għal martu.
Fil-bidu tas-seduta Schembri skuża ruħu mal-Imħallef Mintoff talli t-Tlieta ma deherx il-qorti għax ma ġiex notifikat/
Xehed ukoll .elvin Theuma li reġa’ qal li hu ma jistax jaħlef li Schembri kien jagħti informazzjoni lil Fenech, iżda qal li Fenech hekk kien jgħidlu.