Fi stqarrija Keith Schembri qal li r-rikors ipprezentat illum minn Simon Busuttil m’hu xejn ħlief azzjoni legalment insostenibbli u attentat fjakk politiku sabiex jipprova jsalva l-karriera politika tiegħu.
Sostna li r-rikors ipprezentat minn Simon Busuttil huwa legalment insostenibbli peress illi dak li talab illum huwa diġà mertu tal-inkjesti li nfetħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fuq talba tiegħu stess. Fi kliem ieħor qed jerġa’ jitlob investigazzjoni li diga’ qed issir. Tal-inqas din id-darba ma użax “l-istunt” tal-kaxxi vojta.
Fl-istqarrija qal li b’ dan ir-rikors qiegħed biss jittanta joħloq il-premessa sabiex jerġa’ jitfa n-nomina tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Temm jgħid li mhux se jippermetti li jibqa’ jsir aktar gideb fuqu u għalhekk fis-sigħat li ġejjin se jieħu l-passi legali necessarji fil-konfront ta’ Simon Busuttil.