Iċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri se jiftaħ libell lil Daphne Caruana Galizia dwar “allegazzjonijiet fabbrikati” li qed terġa’ tagħmel fil-konfront tiegħu. “Niċħad l-istorja li qed ixxerred fl-intier tagħha. Se nitlob ukoll lill-Qorti biex tisma’ dan il-libell b’urġenza biex jinqata’ fl-iqsar żmien,” qal Schembri. Dan wara li fl-aħħar sigħat Caruana Galizia allegat li għaddew xi flus mill-Azerbaijan fil-kontijiet bankarji ta’ kumpanija li tagħha ċ-chief of staff tal-Prim Ministru huwa benefiċjarju.
“Jekk hija tant ċerta minn dak li qed tgħid għandha hi stess taqbel mal-urġenza biex il-provi ta’ dak li qed tgħid tkun tista’ tressaqhom malajr fil-Qorti. Min jagħmel allegazzjonijiet għandu d-dmir jissostanzjahom,” qal Schembri.
Schembri nnota kif it-taħwid intern fil-Partit Nazzjonalista se jiftaħ staġun ta’ gideb u aħbarijiet foloz. “Determinat li ma nħallix iktar gideb u fabbrikar ta’ stejjer fuqi,” qal Schembri.