Biex mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jinkisbu dettalji dwar l-impjieg bħala diplomatiku li kellu Richard Cachia Caruana jkollha ssir riċerka fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan għax mhux biss Richard Cachia Caruana kien stmat differenti minn diplomatiċi oħrajn f’dak li huwa ħlas, iżda anke fil-mod kif il-gvern kien jiftiehem miegħu. B’imkejjen fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jikkonfermaw kif hija “kedda” biex jinstab it-tagħrif dwar l-eks strateġist nazzjonalista li mit-taxxi tal-poplu tħallas eluf kbar ta’ ewro.Eluf li aħansitra baqgħu jitħallsu anke wara li kien sfiduċjat mill-Parlament.
Dwar dan tkellem ukoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella fil-Parlament, meta fuq talba tad-deputat Anthony Agius Decelis preżenta il-kuntratti tal-preferenzi li kellu Cachia Caruana.
“Irrid inżid ukoll li biex inġabret din l-informazzjoni, l-uffiċċjali tal-Ministeru tiegħi kellhom jitolbu ċerti dokumenti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għax jidher li l-korrispondenza dwar dan l-individwu kienet tinżamm mistura mill-uffiċċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin,” qal Vella.
Għal snin twal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru Cachia Carauna kellu saħħa daqs il-Prim Ministru nnifsu hekk kif kien il-bniedem ewlieni wara l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Eventwalment baqa’ strateġist ewlieni tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u llum Simon Busuttil, Kap tal-Oppożizzjoni.
L-arranġament finanzjarji ta’ Cachia Caruana kienu saħansitra jlaħħqu it-€13,000 fix-xahar.