Tfajla rrakkontat esperjenza li għaddiet minnha flimkien ma’ tfajla oħra wara li żaru stabbiliment f’Paceville.
F’messaġġ fuq Facebook spjegat kif tinsab iddiżgustata bl-aġir ta’ żewġ bouncers li kien hemm mal-istabbiliment u kif qatt ma kienet esperjenzat omofobija ta’ dan it-tip.
Dan hekk kif wara li tħallew jidħlu u ntalbu joqgħodu mal-mejda skond il-proċeduri tal-Covid, huma għamlu proprju hekk.
Ġara li hekk kif biesu lil xulxin, żewġ bouncers marru ħdejn il-mejda tagħhom u keċċewhom barra mill-istabbiliment.
Hekk kif staqsew x’kienet ir-raġuni, il-bouncers waddbuhom it-tnejn li huma fl-art u wieħed minnhom beda jtihom bis-sieq u jafashom fl-art.
Intant il-Moviment għad-Drittijiet tal-Persuni LGBTIQ+, l-MGRM, spjegat kif dan l-istabbiliment hu wieħed li ssemma aktar minn darba fl-istudju li għamlu dwar postijiet siguri għal persuni LGBTIQ+ f’Paceville.
L-MGRM tenniet kif jekk xi ħadd jgħaddi minn xi esperjenza simili, huma lesti li jakkumpanjaw lil dik il-persuna fl-Għassa tal-Pulizija biex jagħmel rapport.