Eluf ta’ Maltin, Għawdxin u turisti jinsabu lesti biex jiċċelebraw il-bidu tas-sena l-ġdida permezz ta’ ikla f’xi ristorant jew f’lukanda.
Dan iż-żmien huwa fost l-aktar impenjattiv fil-kċejjen tal-lukandi li għandna mxerrda madwar il-gżejjer Maltin, fejn il-kokijiet u d-dulċiera jkunu qegħdin iħejju l-ikliet speċjali, u xi strutturi tal-ħelu bħala dekorazzjoni ma jonqsux.
Fl-aħħar jum tas-sena, ONE News żar lukanda ewlenija fil-Furjana fejn stajna nosservaw mill-qrib it-tħejjijiet għall-aħħar ikla tas-sena.
Malli rfisna fil-kċina fejn kienu qed isiru madwar tmien tipi differenti ta’ ħelu sibna attività kbira. Melvin Sammut, Chef rinomat qalilna kif il-preparamenti għal din l-ikla ilhom għaddejjin ġranet sħaħ minn filgħodu sa billejl biex joħorġu prodott tajjeb.
Sammut tenna, “Il-preperation tibda minn jumejn qabel qisha skont l-ammonti ta’ nies li għandna u l-menu li jikkonċerni dik il-ġurnata u l-ġurnata tkun twila wkoll nibdew minn filgħodu sa filgħaxija sakemm inservu n-nies huwa l-pjaċir tagħna hux vera. ”
Id-Direttur tal-immaniġjar, Norbert Grixtri spjega kif illejla ser ikollhom ‘l fuq minn mija u tmenin mejda x’jiħdu ħsieb u għalhekk huwa importanti li kollox ikun ikkoordinat sew.
Stqarr, “Eħe llum hija waħda mill-iktar ġranet li nkunu busy tul is-sena kollha u ovjament kollox huwa importanti, jkollna ħafna arrivals allura l-front office ikunu busy ħafna, għandek l-indafa li dejjem hija importanti ħafna, għandek is-service u forsi l-iktar importanti llum hija l-kċina għax ikollna ħafna attivita’ llum new years eve filgħaxija fir-restaurant. Ħafna preparazzjonijiet allura hija ġurnata li nkunu qed nistennew bħallum.”
Sammut qal ukoll li f’dan ix-xogħol irid ikollok dedikazzjoni kbira però fl-aħħar mill-aħħar is-sodisfazzjon huwa kbir meta tara lin-nies kuntenti bil-platti quddiemhom. Fl-aħħar qal li d-deżerta u kull tip ta’ ikel ieħor huwa arti li jiħu ħafna żmien u xogħol metikoluż.
Temm jgħid, “L-iktar ħaġa hija meta naraw in-nies ġejjin mal-buffet u daż-żminijet inservu aħna wkoll iġifieri tiħu pjaċir, li jgħidulek wow u tispjegalhom kull oġġett kull dish li jkun hemm hemmhekk tispjegalhom x’inhu u ddewaqulhom.”