“Kburija li ġejja minn qiegħ raħal” Hekk qalet Julia Farrugia Portelli b’reazzjoni għal dak li seħħ f’24 siegħa wara li ġiet mgħajra darbtejn.
F’messaġġ fuq Facebook hi qalet kif hi ġiet mgħajra l-ewwel fil-Parlament għax tkellmet dwar kif hemm familji li nefqu €50,000 f’IVF barra minn Malta. Spjegat ukoll kif ilbieraħ, l-Oppożizzjoni permezz tal-Partit Demokratiku, għajjarha li hi tifla minn villaġġ. Sostniet li hi ġiet mgħajra wkoll qaħba, kelma tqila u goffa.
Farrugia Portelli qalet li l-iskop tal-messaġġ tagħha mhux qiegħed hemm biex tgħajjar, għax mhix se tinżel f’dak il-livell. Qalet, li dak li hu żgur hu li l-messaġġ tal-PD weġġa’ lil ħafna nies fejn f’għajnejha dan l-attakk mhux biss fuqha bħala mara, imma fuq kull tifel u tifla li ġejjin minn xi villaġġ.
Temmet billi qalet li hi kburija li ġejja minn qiegħ ta’ raħal. Kburija li ġiet magħżula biex tirrappreżantahom fil-Parlament u qalet li se tibqa’ tiddefendi lil dawk li eleġġewha fl-aħħar elezzjoni.
Kienu bosta individwi li kkummentaw dwar kif ma jaqblux mal-kumment li sar fosthom Josanne Cassar li kitbet fuq Twitter kif dan il-kumment jikkonferma kif il-PD qatt ma kien għażla alternattiva.
Bosta individwi oħrajn, fosthom ġurnalisti, membri Parlamentari u l-pubbliku inġenerali kkundanna dan l-attakk u sejħulu bħala attakk sessist u li ħadd qatt m’għandu jgħid.
Intant Nisa Laburisti kkundannaw dan l-aġir fejn il-President ta’ Nisa Laburisti Claudette Abela Baldacchino qalet li l-pass ‘il quddiem hu li tintalab skuża hekk kif dan hu l-aktar livell politiku baxx li xi ħadd qatt jista’ jinżel.