“Fi tmiem kampanja elettorali għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista nistqarr li għal darb oħra għext esperjenza mill-isbaħ. Ikkonfermajt kemm il-Partit Laburista hu mogħni b’delegati u attivisti li għandhom għal qalbhom il-Partit.”
Dan qalitu l-Ministru Helena Dalli fi stqarrija fejn spjegat li għaliha f’dan kollu l-iżjed importanti kien li kompliet tikkonferma kemm aktar kemm id-delegati huma s-sisien ta’ dan il-Partit; Partit b’saħħtu li f’għajnejhom jibqa’ l-ikbar strument ta’ bidla fil-pajjiż.
“Hu għalhekk li jekk ningħata l-fiduċja, jien kommessa li nwaqqaf struttura sabiex id-delegati jkollhom sehem sħiħ fit-twettiq tal-manifest elettorali,” spjegat il-Ministru Dalli.
Hija qalet li f’laqgħat diversi fiċ-Ċentri Laburisti madwar Malta u Għawdex id-delegati esprimew l-apprezzament għall-fatt li hija kienet strumentali biex intlaħaq ftehim dwar iż-żieda fil-paga minima u biex illum Malta tinsab fil-quċċata tal-klassifika tad-drittijiet ċivili.
“Iżda għandi nkun jien li napprezza lilhom għax dejjem fehmu u mbottaw il-ħtieġa li l-Partit Laburista jibqa’ l-ikbar aġent ta’ bidla li ma jħalliex ixekkluh il-ktajjen tal-biża’. Hija din it-tama tiegħi għall-għażla li għandhom jagħmlu fis-sigħat li ġejjin. Li mat-38 sena esperjenza li għandi fil-Partit Laburista għandhom japprezzaw ukoll li f’idejhom hemm id-destin tal-partit li jista’ jerġa’ jikteb l-istorja billi jaħtar l-ewwel Deputat Mexxej mara, mara li tul karriera twila fil-friegħi kollha tal-partit kienet mara magħhom, mal-Partit Laburista u mal-pajjiż, b’lealtà assoluta lejn Joseph Muscat, ” temmet tgħid il-Ministru Dalli.