“Ninsab emozjonat daqs l-ewwel ġurnata li ġejt hawnhekk 12-il sena ilu u għidt jiena se nkun magħkom bħala Partit Laburista … kburi wkoll illi l-ħolma li kelli dakhinar, meta nħares lura llum tieħu gost tgħidha li lħaqnieha.”
Emozzjonat u sodisfatt. Hekk beda d-diskors tiegħu l-Professur u n-nominat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta Edward Scicluna, meta indirizza l-attività politika tal-Partit Laburista l-Ħadd filgħodu.
Il-Professur Scicluna, li għal dawn l-aħħar seba’ snin serva ta’ Ministru għall-Finanzi ta’ pajjiżna, ta ħarsa lejn is-suċċessi kbar li għamel Gvern Laburista f’kull qasam mill-2013 ’l hawn.
Fost dawn hemm sistemi ta’ benefiċċji li wasslu għal tnaqqis fil-qgħad, ħidma biex in-nisa joħorġu jaħdmu, investiment fil-qasam tal-anzjani, tnaqqis tad-dejn, traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tnaqqis mill-piżijiet fuq il-familji, u l-investiment barrani.
In-nominat Gvernatur qal li issa se jaħdem biex f’Malta jkollna stabbilità fl-ekonomija u l-finanzi.
Il-Prof. Scicluna stqarr: “Jiena mill-bank ċentrali barra l-oġġettiv tal-Bank Ċentrali barra l-oġġettiv tal-istabbilità finanzjarja se naħdem mal-MEPs kollha kemm huma biex mal-barrani nidhru bħala Maltin.”
Il-Professur Edward Scicluna awgura lill-kabinett il-ġdid ta’ Gvern Laburista u qal li bi Clyde Caruana – li se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol – għandu moħħu mistrieħ.
Huwa saħaq: “Lil Clyde ili nafu mhux għax kien student tiegħi biss imma għal fatt li ħdimna flimkien dejjem wara l-kwinti jaħseb u jikkalkula u ħafna mill-miżuri dawk li għamlu riformi speċjalment fl-inwork benefit, childcare u oħrajn kien jaħdem u dejjem bl-ideat u allura jien moħħni mistrieħ li nista’ nirtira minn din il-pożizzjoni u se nħalli lil xi ħadd denju li kapaċi jagħmel dak ix-xogħol.”