“Kburi li kont il-ko-pilota ta’ Joseph Muscat, biex ksibt esperjenza li hija kruċjali għall-kontinwità u biex nibda naħdem b’saħħa mill-ewwel jum.”
Qal dan il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista Chris Fearne, li spjega kif il-ħidma li saret fis-settur tas-saħħa, se jsawwarha fil-Partit Laburista u fil-Gvern.
Qal li se jaħdem biex iżomm l-għaqda fl-Partit li fih ilu jimmilita għal 40 sena, u fakkar li bħala Prim Ministru jrid iwettaq il-ħolma li l-faqar ikun eradikat minn pajjiżna.
B’ton skjett u determinat wera r-rieda tiegħu li jkompli jaħdem mal-kollegi, inkluż Robert Abela, biex jassigura l-aħjar għal pajjiżna.
Dr Fearne stqarr: “Il-membri kollha tal-Kabinett, il-membri tal-Grupp Parlamentari, kollha esprimew li jekk il-membri tal-partit jagħtuni l-fiduċja li nkun Prim Ministru, lesti li jaħdmu miegħi. Din hija xi ħaġa li lilna timliena b’kuraġġ u hija eżatt l-oppost li ġara fil-Partit Nazzjonalista. Illum, il-Partit Nazzjonalista għandu lil Adrian Delia li huwa l-Kap għax għandu l-appoġġ tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista imma m’għandux l-appoġġ tal-Membri Parlamentari kollha. Fil-Parlament narawhom dawn, nofshom joqgħodu naħa, nofshom ta’ Simon Busuttil, u mhix sitwazzjoni sabiħa. Aħna mhux se jkollna dik is-sitwazzjoni.”
Meta tkellem dwar suġġetti varji, Chris Fearne qal li bih Mexxej, se jara li jinħolqu aktar spazji ħodor u ambjent aħjar biex il-familji jkollhom fejn iqattgħu ħin ta’ kwalità.
Temm jgħid li l-elezzjoni ġenerali se tiġi fi żmienha u mhux qabel, u se jagħmel minn kollox biex din, u oħrajn, jintrebħu wkoll.