L-investiment ekonomiku li sar fil-jiem li għaddew permezz ta’ miżuri mħabbra biex jipproteġu l-postijiet tax-xogħol kawża tal-impatt tal-pandemija qed iħalli frott u impatt pożittiv f’pajjiżna.
Qal dan ukoll il-Prim Ministru l-Ħadd filgħodu f’intervista fuq ONE, fejn irrefera kif dan l-investiment tal-Gvern qed iħalli fiduċja qawwija fil-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Huwa stqarr: “Illum għandek tlett kwarti tal-poplu Malti, 75% tal-Poplu Malti qegħdin jaqblu mal-mod ta’ kif il-Gvern qiegħed jimmaniġja l-parti ekonomika għal dak li għandu x’jaqsam mal-Coronavirus.”
Il-Prim Ministru fost oħrajn tkellem dwar is-sussidju qawwi ta’ tnejn punt ħamsa fil-mija tal-interessi fuq self għan-negozji mħabbar din il-ġimgħa.
Dr Abela sostna: “2.5% qegħdin inħallsu bħala Gvern dak is-sussidju li se jkun ifisser illi n-negozji tagħna se jħallsu biss 01.% interest fuq il-loan tagħhom. Jiġifieri qed nitkellmu fuq self mingħajr imgħax. Self ta’ 780,000,000 li minnu jistgħu jibbenefikaw in-negozji tagħna li l-ħlas fl-imgħax fuqu se jkun bla preċedent ta’ 0.1%.’’
Fl-intervista l-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza wkoll għall-aħħar rapporti dwar Malta mill-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali Fitch u Moody’s.
Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq li dan il-Gvern investa fis-sħiħ fil-ħaddiema u negozji Maltin u Għawdxin u dawn ir-rapporti jinnutaw il-miżuri t’għajnuna li ħabbar il-Gvern biex ikun ta’ spalla għan-negozji u l-ħaddiema.
Huwa qal: “Din il-fiduċja li tajna b’dawk il-pakketti finanzjarji li nedejna bihom ilqatna mija u għaxart elef ħaddiem u salvajna 77,000 impjieg dawn huma l-istatistiċi vera illi għandna f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru semma wkoll investiment ieħor li tħabbar fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart fejn il-Gvern sema’ lil kullħadd.
Dr Abela sostna: “Tajt kelma lill-bdiewa u kburi li żammejtha. Naqqasna l-art agrikola li kienet se tittieħed għal dan il-proġett b’70%u issa ser nużaw biss terz ta’ dak li kien maħsub li jittieħed bħala art agrikola.”
Fl-aħħar nett il-Prim Ministru ta’ ħarsa lura lejn l-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista.
Huwa kompla jgħid: “Ottimist li l-ewwel 100 ġurnata jkunu l-mera ta’ ħafna u ħafna ħidma li għandna proġettata għal pajjiżna fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Fuq kollox, kburi bil-fiduċja kbira li qed juri l-poplu tagħna fina. Dik il-fiduċja se nrodduha lura f’aktar ħidma, f’aktar impenn, f’aktar dedikazzjoni. Dak biss li nwiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi. Ħidma, dedikazzjoni u sens ta’ responsabbilta’ li beħsiebni nibqa’ nerfa’ lejn il-poplu Malti u Għawdxi.”