“Kburi b’pajjiżi. Kburi b’Malta. Is-Summit Ewropew mhux biss kien imfaħħar ħafna għall-organizzazzjoni eċċezzjonali li kellna mil-lat loġistiku, imma qiegħed fuq fomm l-Ewropa kollha għall-kisbiet politiċi. Ilbieraħ għamilna rebħa anke għall-poplu Malti fl-immigrazzjoni fejn issa għandna passi konkreti biex nibdew insolvu din il-problema kbira Ewropea bħala Unjoni Ewropea.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat li s-Sibt filgħodu tkellem mal-gazzetta Kullħadd wara s-Summit ta’ Malta li ġie mfaħħar mill-mexxejja kollha Ewropej.
Joseph Muscat qalilna li l-ikbar kisba għal Malta hija li fl-aħħar, bl-insistenza tagħna u tat-Taljani u anke bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari tal-President tal-Unjoni Ewropea Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, qed jinstabu soluzzjonijiet konkreti ħafna u prattiċi għall-problema tal-immigrazzjoni.
“Qed ngħidu li se nieħdu ħsieb li l-immigranti ma jaqsmux u se nibdew mil-Libja. L-ewwel nett jeħtieġ ma nħallux immigranti jaqsmu l-baħar bil-perikli kollha u l-eluf ta’ ommijiet, missirijiet u tfal imutu fil-Baħar Mediterran. Imma wkoll li nieħdu ħsieb li jkun hemm ċentri mmaniġġjati b’umanità fil-Libja stess. Ovvjament f’dan kollu l-Ewropa trid tikkontribwixxi billi tgħin lil-Libja tiżviluppa,” qalilna l-Prim Ministru.
Staqsejnieh x’reazzjoni kellhom il-mexxejja Ewropej għall-organizzazzjoni tas-Summit. “Kienu impressjonati bil-livell li lħaqna fejn tidħol il-loġistika. Mill-akkreditazzjoni, saż-żamma tal-ħinijiet, sal-ikel Malti li offrejnielhom. Iżda l-iktar ħaġa li baqa’ kulħadd ise mmili sa dalgħodu stess (is-Sibt filgħodu) waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru tal-Irlanda kienet kemm irnexxielna nieħdu deċiżjonijiet f’ħin tajjeb u f’armonija li ftit tara f’laqgħat Ewropej,” qalilna l-Prim Ministru.
Huwa saħaq li jemmen ħafna fil-potenzjal ta’ dan il-pajjiż u fin-nies tiegħu. “Ninsabu mogħnija b’nies ħabrieka u serji u dan ġie rifless fis-Summit ta’ Malta,” sostna Joseph Muscat.
Mistoqsi jekk dan is-Summit huwiex biss opportunità għal ritratti bejn il-mexxejja Ewropej, Joseph Muscat saħaq li l-kisbiet politiċi u d-diskussjonijiet serji se jinħassu mill-qrib mill-Maltin f’Malta daqskemm f’pajjiżi oħra li qed iħossu l-pressjoni tal-immigrazzjoni. “Il-kisbiet politiċi ta’ dan is-Summit mhumiex kisbiet fis-sħab. Nirringrazzja ħafna lid-Deputat Prim Ministru Louis Grech u lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella għal-leadership li wrew fuq livell politiku biex ħafna mix-xogħol li sar fil-preparazzjoni politika, biex jintlaħaq qbil f’Malta, kien lest minn qabel.”
“Il-messaġġ li bgħatna bħala Malta huwa wieħed ta’ effiċjenza fl-organizzazzjoni u serjetà u aġilità fejn jidħlu soluzzjonijiet konkreti għal problemi kbar. Kburi b’Malta u l-Maltin,” qalilna l-Prim Ministru.
X’QALU L-MEXXEJJA EWROPEJ DWAR IL-MALTA SUMMIT:
Donald Tusk – Il-President tal-Kunsill Ewropew : Grazzi tal-organizzazzjoni eċċezzjonali ta’ dan is-Summit f’Malta. Mhux qed ngħidu jien, rajt ir-reazzjoni tal-mexxejja Ewropej li b’mod spontanju urew l-approvazzjoni tagħhom meta faħħart lilek u lit-tim tiegħek. L-organizzazzjoni kienet perfetta u politikament għamiltu xogħol li jirrikjedi ħafna sforzi minn kulħadd. L-atmosfera li ħloqtu f’Malta kienet speċjali u għenet biex naslu fejn wasalna.
Jean-Claude Juncker – Il-President tal-Kummissjoni Ewropea : Din hija s-seba’ darba li ġejt Malta u mhux se tkun l-aħħar darba din is-sena. Impressjonat għall-mod kif organizzajtu dan l-avveniment mill-pulizija edukati sal-ħaddiema taċ-ċivil u organizzaturi ta’ dan is-Summit. Din tikkonferma li pajjiż żgħir bħal Malta, b’riżorsi umani limitati, huma iktar effiċjenti minn ħut kbir fil-vaska Ewropea.
Enda Kenny – Il-Prim Ministru tal-Irlanda : Impressjonat b’pajjiżkom u impressjonat bil-mod kif mexxa l-laqgħat b’mod politiku l-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-fatt li sar ħafna xogħol politiku qabel kif xtaq il-Prim Ministru Malti ħalla effett tajjeb ħafna u riżultati impressjonanti fejn għall-ewwel darba laqgħa bdiet fil-ħin u spiċċat qabel il-ħin. Din kienet kisba kbira.
Sergei Stanishev – Il-President tal-Partit Soċjalist Ewropew : Huwa jagħti parir lil kull Gvern soċjal-demokratiku li jimxi fuq il-mudell ta’ Malta, fuq il-mudell ta’ Joseph Muscat