Fil-Qorti, il-każijiet li huma relatati ma’ vjolenza domestika tmexxew ’il quddiem b’seba’ xhur.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari mid-deputat Laburista, Amanda Spiteri Grech.
Il-Ministru Attard qal li l-każijiet relatati mal-vjolenza domestika li kellhom jinstemgħu fi Frar tas-sena d-dieħla tmexxew ’il quddiem għax-xahar id-dieħel.
“Infurmat li dawk li huma każijiet illi kienu appuntati fi Frar tal-2024 tmexxew għal Lulju ta’ din is-sena, b’tali mod li se jiċċaqilqu kollha. Qishom qed nitkellmu b’dan l-invervent b’mod immedjat, seba’ xhur. Ovvjament, dejjem ngħid li baqa’ aktar xi jsir, però rrid nassigura lil kulħadd li dan mhux settur li mhux jingħata l-attenzjoni neċessarja.”
Il-Ministru Attard saħaq li fil-Qorti qed jinstemgħu aktar każijiet kull ġimgħa dwar dan it-tip ta’ reat.
“Wara li kien hemm l-intake tal-Maġistrati l-ġodda, naħseb min jipprattika l-Qorti ra li kien hemm frekwenza akbar ta’ seduti, fejn illum infurmat li, minn seduta fil-ġimgħa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każi sommarji, illum għandek tliet seduti kif ukoll żewġ seduti oħra f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kumpilazzjonijiet,fejn għandek każijiet li jittrattaw reati ta’ vjolenza domestika.”
Fil-Parlament, il-Ministru Jonathan Attard qal li dan jingħaqad mal-impenn tal-Gvern sabiex din il-pjaga soċjali tiġi indirizzata.
Fost l-oħrajn, huwa semma li fl-ewwel mitt jum tal-Gvern tressqet il-liġi tal-femiċidju, ġie appuntat Maġistrat ieħor biex il-Prim Imħallef ikun jista’ jassenjah biex jisma’ każijiet b’rabta mal-vjolenza domestika, filwaqt li l-assistenza mill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali qe tiġi offruta 24 siegħa kuljum.