Bħalissa fl-isptar Mater Dei hemm numru ta’ persuni li daħlu kawża ta’ kundizzjoni kkawżata mis-sħana. Għalkemm wieħed m’għandux jallarma ruħu uffiċjali mediċi jkomplu jemfasizzaw il-ħtieġa ta’ prekawzjoni f’dawn iż-żminijiet tas-sħana fejn għalkemm nisimgħu ħafna appelli donnu qatt mhu biżejjed. Din il-kundizzjoni tista’ tikkumplika ruħha u saħansitra twassal għal fatalità speċjalment jekk ikun hemm kundizzjonijiet oħra.
Fl-isptar Mater Dei, iddaħlu minn tal-inqas sitt persuni li għal xi ħinijiet kienu f’kundizzjoni serja wara li ddaħlu jbatu minn ipertermija. Kundizzjoni kkawżata minn sħanat qawwija.
Imkejjen f’Mater Dei qalu wkoll ma’ ONE NEWS li għaddejja investigazzjoni medika li għandha tistabilixxi jekk raġel ta’ ftit iktar minn erbgħin sena mietx proprju minħabba din il-kundizzjoni.
Għalkemm il-Ministeru tas-Saħħa f’dan l-istadju ma kkonfermax ir-raġuni tal-mewt, innota li ta’ kull sena, fl-eqqel tas-Sajf, l-isptar Mater Dei jesperjenza żieda ta’ pazjenti.
Kompla jintqal li din is-sena, b’wieħed mill-itwal perjodu ta’ temperaturi sħan li qatt kellna, mhux eċċezzjoni. U fil-fat ikkonferma li fl-aħħar jiem idaħħlu numru ta’ pazjenti jbatu minn b’din il-kundizzjoni serja.
“Din il-kundizzjoni tista’ tkun gravi u anke twassal għal fatalita, speċjalment jekk ikun hemm kumplikazzjonijiet oħra,” qal il-Ministeru għas-Saħħa.
Fil-fatt, l-anesteżita Tatiana Farrugia spjegat kif din il-kudnizzjoni hi magħrua wkoll bħala ‘heatstroke.’
Farrugia spjegat li l-ipertermija tista’ twassal ukoll għal problemi fl-organi li jkunu irriversibbli.
U għalkemm fl-aħħar ġimgħat smajna ħafna dwar x’għandna ngħamlu f’dawn iċ-ċirkostanzi, Farrugia reġgħet tenniet appell għall-prekawzjonijiet bis-sitwazzjoni fl-emerġenza ta’ Mater Dei hi xhieda li tappella kemm tappella donnu qatt mhu biżżejjed.
B’hekk hawn ukoll huwa każ fejn il-prekawzjoni hija ferm aħjar mill-kura.