Fl-aħħar sigħat feġġ każ wieħed ġdid ta’ Coronavirus, filwaqt li fiequ 19-il persuna oħra biex b’hekk it-total ta’ persuni mfejqa tela’ għal 118-il persuna.
Minn dawn, 14-il persuna kienu rġiel u 5 oħra kienu nisa, b’etajiet ivarjaw bejn l-20 u t-80 sena. Fost l-imfejqa hemm persuna ta’ ‘l fuq minn 80 sena u li kienet rikoverata fl-isptar ġenerali t’Għawdex.
L-unika każ pożittiv fil-jum tal-Ħadd ħareġ minn 787 test, biex in-numru ta’ persuni infettati f’Malta mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna, issa tela’ għal 427 każ.
Meta wieħed inaqqas l-imfejqa u t-tliet persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom mill-każijiet kollha, jifdal 306 każijiet attivi ta’ Coronavirus.
It-total ta’ testijiet għall-Coronavirus issa jlaħħaq l-24,042, numru li fi kliem is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, huwa numru għoli ħafna.
Dwar il-każ il-ġdid qalet li dawn huwa ta’ mara mis-Serbja ta’ 27 sena li fis-17 ta’ April bdiet tħoss sintomi ta’ deni, uġiħ fil-ġogi, għejja u uġigħ ta’ ras.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “Għamilna l-investigazzjoni tagħna fuq dan il-każ u sibna li kienet qed tmur għax-xogħol waqt li bdew is-sintomi allura għamilna l-contact tracing fuq l-impjegati tagħha. Din taħdem f’kumpanija privata u allura ma kelliex kuntatt ma’ klijenti barranin.”
Il-Professur Gauci tenniet li għalkemm in-numri huma żgħar, dan ma jfissirx li wasal iż-żmien li jitneħħew il-miżuri.
Saħqet li dan hu dovut għal ħidmet l-awtoritajiet tas-saħħa li qed isegwu mill-qrib kemm il-virus qed jittieħed minn persuna għall-oħra.
Intant meta mistoqsija minn dan l-istazzjon dwar jekk hemmx sintomi oħra minbarra dawk respiratorji u li jistgħu jindikaw il-preżenza tal-Coronavirus, il-Professur Gauci qalet li qed ikun hemm il-preżenza ta’ sintomi gastrointestinali.
Iżda jista’ jsir test jekk joħorġu sintomi oħra mingħajr spjegazzjoni ta’ minn fejn ġew.
Il-Prof. Charmaine Gauci sostniet: “:Waħda minnhom li bdiet toħroġ huwa nuqqas ta’ xamm u nuqqas ta’ togħma pero anke dijareja u remettar. Dawn huma sintomi li qed naraw li huma l-iktar komuni. Però jekk naraw nies li jkollhom ċertu sintomi li ma tkunx spjegata l-ebda raġuni oħra aħna niddiskutu mat-tabib ukoll u fejn ikun hemm bżonn nagħmlu t-test.”