Bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-ħames irġiel mixlija bil-ħtif ta’ Carlos Schembri, fejn intqal kif dawn heddewh li se jaqtgħulu barra s-swaba’ u jistupraw lil oħtu.
Hawn l-allegat vittma spjega kif l-imputati allegatament ħarġu minn vann u bdew jagħtuh daqqiet ta’ ponn u ħarġuh mill-karozza fejn kien.
Huwa qal ukoll li kien hemm Luke Milton, li riċentament kien akkużat li seraq eluf fi crypto currency.
Schembri sostna li l-imputati bdew jistaqsuh dwar vann misruq, waqt li baqgħu jagħtuh.
Minn hawn huma waqfu f’Raħal Ġdid, fejn il-vittma ttieħed f’vann ieħor minkejja li ġarrab bosta ġrieħi.
Il-vittma allega li nsteraqlu l-mobile u elf ewro fi flus kontanti.
Qal li wara li fittxew fil-mobile tiegħu biex isibu informazzjoni dwar il-vann misruq, huma ċemplu lil xi ħaddieħor, u waslet karozza b’number plates Ingliżi, iżda Schembri qal li dan ma jafx min hu.
Huwa stqarr li l-imputati waqfu f’pompa tal-petrol, u hawn huwa ħarab lejn l-għassa tal-Pulizija tal-Fgura.
Fil-jiem ta’ wara, skont il-vittma, il-qraba tal-akkużati ppruvaw jikkuntattjawh.
Intant, id-Difiża stqarret li fuq il-mobile ta’ Schembri kien hemm evidenza li huwa seraq il-vann li bdew isaqsu fuqu l-akkużati.
Telgħet tixhed ukoll omm il-vittma, li qalet kif hi ukoll irċeviet telefonata minn Tyson Grech, wieħed mill-akkużati, fejn allegatament qalilha, “Ibnek mhux se jeħlisha.”
Iż-żewġ imputati, Thorne Mangion u Burton Azzopardi ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ tlett elef ewro u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro, u d-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tliet akkużati oħra se tiġi deċiża fit-tmienja ta’ Frar.
Wara li l-akkużati ħarġu mill-awla, Jeremy Borg, wieħed mill-imputati instema’ joffendi lill-vittma u familtu, bil-Maġistrat terġa’ ssejjaħlu lura fejn ingħata sentenza ta’ tlett ijiem ħabs.