Il-Qorti ordnat biex tiġi stabbilita l-lista ta’ persuni li kienu ġew salvati mit-tanker El Hiblu.
Dan hekk kif kompla jistema’ l-każ kontra t-tliet akkużati, li qed ifittxu ażil u huma mixlija li ħatfu t-tanker.
Il-Qorti qed tipprova tisma’ x-xhieda tal-immigranti kollha li kellhom x’jaqsmu f’dan il-każ li jmur lura għall-elfejn u dstatax, madankollu ma setgħetx tiġi provduta lista ta’ dawn il-persuni u d-dettalji tagħhom.
In-numru ta’ immigranti jaqbeż il-mija.
Wieħed mix-xhieda, li kien fuq il-bastiment, kien iddikjarat mill-Qorti bħala ostili għall-mistoqsijiet u iddikjara li ma jaf lill-ebda persuna li kienet tinsab fl-awla.
Hawnhekk, l-Ispettur Omar Zammit stqarr li kien ra lix-xhud jitkellem b’ċertu kunfidenza ma’ wieħed mill-akkużati.
Meta kien mistoqsi mill-Maġistrat Nadine Lia dwar dan, ix-xhud qal li hu sar jaf lill-imputat f’Malta fuq xogħol.
Ix-xhud baqa’ jkun vag fir-risposti tiegħu u stqarr li fuq il-bastiment ma nnota l-ebda kommossjoni jew affarijiet mhux normali.
Xhud ieħor ukoll qal li hu ma kienx ra affarijiet li ma kinux normali, imma saħaq li waqt li kien fuq il-bastiment huwa kien ma jiflaħ, allura ma jiftakarx ħafna dettalji.
Fil-Qorti ntqal li ż-żewġ xhieda kienu joqogħdu f’ċentru miftuħ, u għalhekk hemm il-possibilità li influwenzaw lil xulxin fix-xhieda tagħhom.
Għal dan il-Maġistrat Lia qalet li kienet se tieħu nota tal-istqarrija tal-Prosekuzzjoni, imma għamlitha ċara li dan il-fatt ma jaffettwax il-valur ta’ din ix-xhieda.