Il-Parlament Ewropew jinsab mheżżez bi skandlu ta’ korruzzjoni u qed jiġi rrapportat li, bħala parti mill-investigazzjonijiet, saret saħansitra tfittxija oħra fl-uffiċini tal-Parlament Ewropew.
Dan hu wieħed mill-ikbar skandli li qatt iffaċċjat din l-istituzzjoni Ewropea, li bħalissa tinsab taħt it-tmexxija ta’ Roberta Metsola.
L-allegazzjonijiet huma marbuta ma’ tixħim ta’ uffiċjali għolja tal-Parlament Ewropew mill-Qatar, il-pajjiż li bħalissa qed jospita l-logħob tat-Tazza tad-Dinja. Il-Qatar, min-naħa tiegħu, ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.
It-tfittxija fl-uffiċini tal-Parlament Ewropew kienet l-għoxrin waħda u l-pulizija Belġjana arrestat erba’ persuni, fosthom Viċi President ta’ Roberta Metsola, il-Griega Eva Kaili.
Metsola reaġixxiet billi qalet li d-demokrazija tinsab taħt attakk u li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu u jagħmlu xogħolhom. Qalet ukoll li trid toqgħod attenta kif tikkumenta biex ma tfixkilhomx.
Il-prosekuturi Belġjani ġabru mas-€600,000 fi flus kontanti u dawk arrestati qed jiġu mixlija li pparteċipaw f’organizazzjonijiet kriminali, ħasil ta’ flus, u korruzzjoni.
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Kaili ġiet sospiża mill-funzjonijiet tagħha, filwaqt li l-prosekuturi fil-Greċja ffriżawlha l-assi tagħha. Jidher li t-tliet uffiċjali oħra li qed jiffaċċjaw l-akkużi huma wkoll uffiċjali tal-Parlament Ewropew.
Il-BBC rrapporta lill-korrispondenti tagħha jgħidu li uffiċjali tal-Parlament Ewropew kienu xxokkjati bil-gravità tal-akkużi.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-akkużi huma “serji ħafna” u sejħet għal ħolqien ta’ strutturi ġodda.
Skont l-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea, Emily O’ Reilly, dak li ġara hu riżultat ta’ standards ta’ etika baxxi. Qalet li jidher li kellu jkun hemm skandlu ta’ dan it-tip biex l-affarijiet jinbidlu.
Roberta Metsola lbieraħ għamlet diskors fil-Parlament Ewropew li fih tkellmet dwar dan il-każ, iżda fih qagħdet lura milli tindirizza akkużi ta’ dan it-tip li jitfgħu anke piż fuq it-tmexxija tal-Parlament Ewropew.
Dan għamlitlu minkejja li l-Ombudsman O’ Reilly ġiet ikkwotata tgħid li wieħed seta’ faċilment jikteb l-iskript għax kien hemm ħafna li kienu ilhom jgħidu li jeżistu problemi kbar.
Ftit ġimgħat ilu, Metsola nnifisha ġiet akkużata mit-Transparency International EU, parti minn moviment globali kontra l-korruzzjoni, b’dik li sejħitilha “korruzzjoni instituzzjonali”. It-Transparency International EU iddeskriviet il-manuvri sigrieti li saru biex iċ-Chief of Staff ta’ Metsola jiġi installat bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament minkejja li l-kandidati l-oħrajn għall-pożizzjoni kienu ferm aktar ikkwalifikati minnu bħala turija sfaċċata ta’ korruzzjoni instituzzjonali li se twassal biss biex tkompli tiġi imminata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew.
F’kontroversja oħra, Metsola spiċċat taħt baraxx ta’ kritika dwar għaliex, fi żmien tant diffiċli għall-Ewropej, trid tagħmel il-“ġennata” li tikkonverti waħda mill-binjiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu f’lukanda esklużiva biex imbagħad il-Parlament ikollu bżonn jixtri mingħand il-Gvern Franċiż binja ġdida li tiswa l-miljuni għall-uffiċini li se jintilfu.
Il-gvern Franċiż b’insistenza jrid ibigħ il-binja ġdida lill-Parlament Ewropew, iżda l-Parlament m’għandux bżonnha. Minkejja dan, it-tmexxija tal-Parlament Ewropew qed taħdem biex jinstab mod sabiex dan ix-xiri jsir xorta waħda.
Il-ġurnal influwenti Politico rrapporta li fost l-uffiċjali tal-Parlament Ewropew hemm ix-xnieha li anki l-kwistjoni tax-xiri ta’ din il-binja ġdida fi Strasburgu mingħand il-Franċiżi hija waħda mir-raġunijiet għaliex Stéphane Séjourné, il-mexxej tal-grupp politiku Renew Europe – wieħed mill-gruppi involuti fil-ftehim sigriet dwar iċ-chief of staff ta’ Metsola – appoġġja t-tpoġġija taċ-chief of staff tagħha bħala s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament.
Séjourné huwa alleat mill-viċin ħafna tal-President Franċiż, Emmanuel Macron. Jekk ix-xnieha hi minnha, allura dan ikun ifisser li issa, bix-xiri ta’ din il-binja fi Strasburgu, it-tmexxija tal-Parlament trid tpatti lill-Franċiżi għall-favur li għamlulha biex ġie imbuttat iċ-chief of Staff ta’ Metsola.