“Il-każ tal-Avukat tal-Għaqda Repubblika u Deputat Nazzjonalista, Joe Ellis kompla jikxef l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista. Ipokrezija li turi Partit ankrat fil-passat li jekk fdat bit-tmexxija jeħodna lura flok ’il quddiem.”
Kien dan il-messaġġ tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza b’rabta mal-aħħar żviluppi b’rabta mal-każ ta’ Joe Ellis fejn fil-Parlament staqsa dwar proġett li l-kumpanija li huwa direttur tagħha kellha interess dirett fih.
Fil-fatt, il-kelliema ta’ din il-konferenza, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u d-Deputat Laburista Andy Ellul irrimarkaw li dan hu każ ieħor fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jbaxxi rasu u jċedi.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif Joe Ellis uża l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż biex jilgħabha ta’ kemm għandu interess fil-kostitwenti u Għawdex, biex imbagħad inqabad li minflok kien qed jistaqsi dwaru nnifsu.
Ġie żvelat li waħda mill-ħafna kumpaniji li għandu kienet qed tipprovdi bil-moħbi l-materjal tal-kostruzzjoni għall-proġett infrastrutturali fil-limiti ta’ Għajnsielem u n-Nadur. Agħar minn hekk, ġie żvelat ukoll li ħaddiema tal-istess kumpanija mmexxija ta’ Joe Ellis mhux jitħallsu s-salarji dovuti lilhom.
“Irid ikollok id-diċenza li jekk qiegħed issaqqsi fuq tali proġetti tgħid li inti għandek interess f’dawn l-istess proġetti b’mod ukoll finanzjarju. Dan speċjalment meta kien irrapurtat li l-manuvra hi maħsuba biex tpatti għal djun li għandu ma’ diversi kuntratturi Għawdxin.”
Intant id-Deputat Laburista Andy Ellul innota l-inkonsistenza u n-nuqqas ta’ kredibilità ta’ Bernard Grech hekk kif għal darb’oħra kellu jċedi għall-pressjoni wara li d-Deputat Joe Ellis għamilha ċara li mhux se jirriżenja.
“M’għandek l-ebda awtorità morali biex tmexxi jew tiddeċiedi. Huwa politiku ankrat fil-passat. Mur ġibu kellu jieħu deċiżjonijiet li ħa dan il-Gvern waqt pandemija. Kull deċiżjoni li jintalab jieħu naraw teatrini fil-Partit tiegħu u nies jisfidawh kontinwament. Insemmi biss każ tas-sindku tan-Naxxar.”
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-pajjiż ma jaffordjax tmexxija li mhix kredibbli u li mhux soda u huwa Gvern immexxi minn Robert Abela li ħa l-ikbar deċiżjonijiet fuq il-governanza, il-pandemija u l-ekonomija biex ninsabu f’pożizzjoni li nibqgħu nibnu l-Malta li rridu għal uliedna.