Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ra l-ftuħ ta’ lment ieħor minn Neville Gafa’ fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina. Ilment li hu segwit mill-ilment l-ieħor li nfetaħ kontra d-Deputat Nazzjonalista, Justin Schembri.
Toni Bezzina huwa impjegat fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-irwol ta’ Senior Architect & Civil Engineer fejn qed ikun allegat li hu ma jirrapportax għax-xogħol minkejja l-ingaġġar tiegħu mal-istess Dipartiment.
L-ilment jallega kif Bezzina sikwit ikun qed jagħmel ix-xogħol privat tiegħu fl-istess ħin li sippost jirrapporta għax-xogħol, fejn filwaqt li ma jkunx ix-xogħol, xorta qed jirċievi l-paga.
L-ilment li nfetaħ jargumenta li mhux denju li l-istess Bezzina li huwa rappreżentant fil-Parlament qed jitħallas minn flus il-poplu mingħajr ma jwettaq ħidmietu.
Intant aktar kmieni l-Ħamis filgħodu ġie rrapportat kif quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika nfetaħ ilment fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri fejn ma jmurx għax-xogħol skont ilment li fetaħ Neville Gafa.
Justin Schembri huwa għalliem u qed jiġi allegat li ma jattendiex għax-xogħol u għalhekk il-Kummissarju għall-Istandards qed jiġi mitlub jinvestiga dan l-ilment.