Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa, feġġ każ wieħed biss ta’ Coronavirus f’Malta minn disa mija, erbgħa u erbgħin test li saru.
F’aġġornament li tat is-supretendent għas-saħħa pubblika, l-Professur Charmaine Gauci ħabbret ukoll li tnax-il persuni fiequ mill-virus.
It-total ta’ persuni li nstabu pożittivi, minn meta feġġ l-ewwel każ f’Malta, jammontaw għal erba mija tmienja u sittin persuna.
Minn dawn il-każijiet, tliet mija disa u sebgħin persuna fiequ mill-virus. Ħamsa u tmenin każ għadhom attivi.
Il-Professur Gauci qalet li l-każ il-pożittiv li feġġ fl-aħħar sigħat huwa Sudaniż ta’ sebgħa u għoxrin sena li jgħix fiċ-Ċentru l-Miftuħ ta’ Ħal Far. Hawnhekk hawn ħamsin każ pożittiv u l-immigranti għandhom qed jinżammu taħt kwarantina. Fl-istess ħin għadhom isiru t-testijiet fuq l-immigranti.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa ninsabu f’fażi ta’ tranżizzjoni.
Kompliet tappella għal koperazzjoni mill-pubbliku biex dejjem isegwi l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa issa li l-istabilliment kummerċjali se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom.
Il-Professur Gauci qalet, “Dan ma jfissirx li m’hemmx każijiet fil-komunità allura importanti li nsegwu r-regoli ta’ social distancing.”
Hija appellat ukoll sabiex il-pubbliku jilbes il-maskri meta jidħol fil-ħwienet jew juza t-trasport pubbliku.
Saħqet, “Issa qegħdin f’sitwazzjoni fejn naqqasna l-miżura, allura tagħmel miżuri ta’ mitigazzjoni, allura aħna qegħdin ngħidu biex jintlibsu l-maskri għax hemm barra hemm nies li għandhom il-virus.”
Il-Professur Gauci qalet ukoll li ħmistax-il elf persuna daħħlu jagħmlu t-test tal-COVID-19 fuq l-app li ġiet varata jumejn ilu – COVID-19 Symptom Checker. Waqt li 1,700 persuna daħlu jagħmlu t-test għal xi ħadd li jiġi minnhom.