Ebda assi tal-Bank of Valletta ma ġew sekwestrati jew konfiskati b’rabta mal-każ tad-Deiulemar fl-Italja. Preżentament, il-Bank of Valletta qed jappella mid-deċiżjoni li tat il-Qorti ta’ Torre Annunziata li ħarġet mandat ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ €363 miljun ewro fil-konfront tal-istess bank; dan wara li saret talba mil-likwidaturi tal-kumpanija falluta tat-tbaħħir Deiulemar u rapreżentanti ta’ 13,000 azzjonist.
Il-każ żvolġa wara li f’Lulju tal-2012, 7 membri tal-kumpanija fosthom is-sid, pew ikkundannati 17-il sena ħabs wara li nstabu ħatja ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji illegali malli l-kumpanija ġiet iddikjarata falluta b’dejn ta’ aktar minn €800 miljun. Konsegwentament, dan wassal sabiex il-likwidaturi tal-kumpanija u r-rapreżentanti tal-azzjonijisti fetħu kawża ċivili kontra t-trusts miżmuma fil-bank Malti.
Minkejja li ma ġew ikkonfiskati ebda assi, l-Bank of Valletta ħabbru li minkejja li l-proċeduri legali għadhom pendenti l-Bank xorta waħda iddepożita l-ammont kollu ordnat mill-Qorti ta’ Torre d’Annunziata ma’ bank ieħor- dan sabiex jissalvagwardja l-pożizzjoni tiegħu kwalunkwe ħaġa li jista’ jiġi deċiż. Il-Bank of Valletta għamilha ċara li minkejja li l-ammont ordnat mill-Qorti ġie mwarrab għal kull tip ta’ eventwalita’, l-flus xorta waħda għadhom jidhru f’isem il-Bank of Valletta u għalhekk ma nbidel xejn.