Kaxxa tal-injam li kienet ilha tintuża bħala tarġa għal wieħed mill-armarji fis-sagristija tal-oratorju fil-kolleġjata u bażilika tal-Isla kixfet id-dettalji dwar min għamel u meta sar ir-redentur tal-Isla, fost kurżitajiet oħra dwar il-vara li tant tiġbed lejha devozzjoni.
Fr.Jonathan Farrugia, l-assistent arċipriet tal-Isla spjega kif fil-kaxxa instabu madwar għoxrin dokument li kien maħsub li ntilfu waqt it-tieni gwerra dinjija.
“Kien qiegħed isir trattament ta’ manutenzjoni fis-sagistija tal-oratorju u kien hemm post minnhom fejn kien hemm cupboard żgħir li taħtu kellu tarġa u rriżulta li din it-tarġa kienet kaxxa mimlija dokumenti li kienet imsammra,” qal Fr Jonathan Farrugia.
Fr Jonathan spjega kif mid-dokumenti jidher li l-vara tar-redentur saret fl-1742 mill-artist Saverio Laferla. Vara li kienet waħda minn sett ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-parroċċa tal-Isla li saru sal-1744. Id-dokumenti kixfu kif qabel dan is-sett, il-parroċċa kellha tliet statwi tal-ġimgħa l-kbira li kienu manekini.
Id-dokumenti tefgħu dawl ukoll dwar meta bdiet tiġi ċċelebrata l-festa tar-Redentur fl-Isla.
“Konna naħsbu li din il-festa kienet ġiet introdotta fl-1813, meta kien hemm il-pesta u saret wiegħda li jekk il-pesta ma tidħolx l-Isla tibda ssir din il-purċissjoni b’wiegħda. Filfatt fl-1813 kien introdott il-purċissjoni biss, il-festa kienet diġa ssir u sibna propju nota li tgħid li bdiet fl-1802 bil-permess tal-papa,” kompla jgħid l-Assistent Arċipriet.
Is-sejbiet issa huma dokumentati fi ktieb bl-isem “Ir-Redentur”, li permezz ta’ tliet studji separati jitfa’ dawl fuq aspetti differenti tar-redentur, inkluż analiżi sħiħa mill-aspett artistiku tal-vara u l-proċess ta’ restawr tal-vara.
Il-Ġimgħa filgħaxija bosta devoti tar-redentur inġabru wara l-vara popolari għall-purċissjoni tradizzjonali. Devozzjoni li tmur lura għall-iżjed żminijiet turbulenti fl-istorja ta’ pajjiżna.
“Is-sena ta’ meta kienet se tibda t-tieni gwerra dinjija kienu saru erbgħin elf santa li jiġifieri mhux xi ħaġa komuni li jkollok statwa fejn f’sena tagħmel daqsekk santi biex tqassamhom. In-nies meta jħossu l-periklu jridu xi ħaġa lejn min iduru,” spjega Fr Farrugia.