Wieħed mit-tliet ħaddiema li ntbagħtu jagħmlu xogħol fuq il-każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq minn Toni Bezzina, ittieħed jiffirma dikjarazzjoni falza ftit tal-ħin wara l-funeral ta’ ommu.
Mossa, li fi kliem il-qorti tixhed il-pressjoni li kien hemm fuq il-ħaddiema biex wara li kellhom jagħmlu dan ix-xogħol f’ħin li suppost kienu qed jaħdmu fis-settur pubbliku ntalbu jiffirmaw dak li ried id-deputat Toni Bezzina. Dan għax l-istorja dwar l-aġir ta’ Bezzina ħarġet fil-midja.
Mis-sentenza tal-qorti jirriżulta hekk: “Il-pressjoni minn naħa tas-Sur Borda (li dejjem aġixxa f’isem Bezzina) ħarġet b’mod partikolari meta fil-każ ta’ wieħed mill-ħaddiema, li dakinhar inzerta kellu l-funeral ta’ ommu.”
“Dan talbu biex ikun lest ħa jitla jiffirma d-dikjarazzjoni eżatti wara l-funeral t’ommu – kif fil-fatt sar.”
Id-dikjarazzjoni kienet tgħid hekk: “Niddikjara u nikkonferma bil-ġurament illi ix-xogħol ta’ tibjid minni magħmul fil-kamra tal-bejt tal-Każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq, kien ġie magħmul minn jheddi, mingħajr ma ħadd ma ġiegħlni, b’mod volontarju u mingħajr ħlas u t-tibjid sar kollu wara l-ħin tax-xogħol.”
Biex iffirmaw din id-dikjarazzjoni li nkitbet fl-uffiċċju ta’ Toni Bezzina l-ħaddiema ttieħdu għand nutar.
Però din kienet gidba u wara li l-fatti saru magħrufa, quddiem nutar ieħor u meta xhedu fil-qorti l-ħaddiema ddikjaraw kif ġraw il-fatti filwaqt li nnotaw il-pressjoni li għaddew minnha. Pressjoni li nnotata wkoll il-qorti li f’sentenzi ta’ libell ma tatx raġun lill-Bezzina li kien qed jinħeba wara l-proċeduri l-qorti biex jiddefendi lilu nnifsu.