L-Avukat tal-Istat daħħal risposta għall-kawża li fetħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u Adrian Delia dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet f’pajjiżna. Dan wara li l-Qorti ftit taż-żmien ilu ċaħdet it-talba għall-urġenza li saret f’dan ir-rigward.
Fir-risposta tiegħu, l-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien lest jieħu ġurament falz u jipprova jiżgwida b’mod strateġiku lill-Qorti fuq sejbien ta’ xi “fatti” fil-każ, li l-Qorti tal-Appell assolutament ma sabitx u mhemm ebda deċiżjoni dwarhom.
Kien għalhekk li, skont l-Avukat tal-Istat, Grech u Delia talbu li s-sentenza tiġi riformulata.
L-Avukat tal-Istat saħaq ukoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Adrian Delia, m’għandhomx dritt quddiem il-Qorti biex imexxu b’din l-azzjoni ġudizzjarja.
Fil-fatt, hu jispjega wkoll li din l-azzjoni legali hi inammissibbli hekk kif is-setgħa li qed tintalab tiġi eżerċitata tista’ sseħħ biss mill-Gvern ta’ Malta. Għaldaqstant l-Oppożizzjoni, skont l-Avukat tal-Istat, qed tipprova tkisser is-separazzjoni tal-poteri, li huma l-punt kardinali li fuqu hi mibnija d-demokrazija.
Dr Soler indika wkoll li t-talbiet ta’ Grech u Delia jikkontradixxu lil xulxin, hekk kif fl-ewwel talba l-Oppożizzjoni qed tiżvijja l-vera rwol tal-Avukat tal-Istat, imma fl-istess waqt tgħid li m’għandu jingħata direzzjoni mingħand ħadd.
Sadanittant, hu qal li, fit-tieni talba tagħhom, qed jitolbu lill-Qorti tordna lill-istess Avukat tal-Istat biex jieħu azzjoni partikolari. B’hekk ġie sostnut li dawn il-kontradizzjonijiet huma s-sinsla tal-kawża tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Adrian Delia, u huma intenzjonati li jiżvijjaw lill-Qorti permezz ta’ premessi skorretti.
L-Avukat tal-Istat b’hekk saħaq li t-talbiet li ressqu Bernard Grech u Adrian Delia huma kollha kompletament infondati fil-fatt u fid-dritt u għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda.
Il-każ ikompli.