Il-logħba perikoluża ta’ Jason Azzopardi bil-ġudikatura qed toħroġ iktar fid-deher. Il-każ li qed iqajjem f’isem is-Sindku tar-Rabat Għawdex, Samuel Azzopardi, biex kawża ma tinstemax quddiem eks kandidat tal-Partit Laburista, se tinstema’ quddiem eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt one.com.mt jista’ jikkonferma li se tkun l-Imħallef Lorainne Schembri Orland li tisma’ din il-kawża.
Fil-kurituri tal-qorti, issa qed tqum mistoqsija kbira. “X’se jagħmel Jason Azzopardi li ma kienx komdu b’eks kandidat tal-Partit Laburista?” qal espert legali li tkellem magħna. Oħrajn ikkummentaw pubblikament.
L-avukat Robert Abela, li ddeskriva lil Schembri Orland bħala Imħallef mill-iktar kompetenti, staqsa dwar l-aġir ta’ Azzopardi. “Imma din l-Imħallef inzertat li hi eks-kandidat tal-Partit Nazzjonalista. X’se jagħmel Jason Azzopardi issa? Ara kif qed jimmina u jipprova jkisser is-sistema ġudizzjarja tagħna l-PN,” qal l-avukat Abela.
Fil-Qorti tal-Maġistrati f’Għawdex, meta kien qed jilmenta għal Joanne Vella Cuschieri, Azzopardi kien iddikjara li ma jkollux problema bil-Maġistratt Paul Coppini eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista.